“Nixtieq li flimkien mal-Istat naħdem għall-ġid komuni” – L-Arċisqof

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna qal li bħalma San Lawrenz sab lil Ġesù fil-foqra u fil-batut, huwa għandu x-xewqa biex flimkien mal-Istat Malti jaħdem għall-ġid komuni.
Waqt il-Quddiesa fil-festa ta’ San Lawrenz, Mons. Scicluna  qal li jixtieq li fuq l-eżempju ta’ San Lawrenz, il-Knisja dejjem tagħmel il-ġid bil-ferħ.
Filwaqt li tkellem fuq il-ħajja tal-Martri, Mons. Scicluna spjega li l-figura ta’ San Lawrenz tfakkar li l-qadi għall-ħaddieħor ifisser li trid tagħti ħajtek. Sostna li għaldaqstant San Lawrenz huwa mudell erojku ta’ għotja u fedeltà lejn il-Knisja.
Huwa qal li fil-martirju tiegħu San Lawrenz jgħallimna li m’għandniex nieħdu l-ħajja b’serjetà esaġerata b’konsegwenza li nitilfu s-sens umoristiku.
Fakkar fit-tradizzjoni li tgħid, li San Lawrenz qal lil min kien qiegħed jagħtih il-martirju, martirju li fih inxtewa fuq gradilja, biex idawru n-naħa l-oħra.
Stqarr li t-tradizzjoni tal-Knisja tgħallem ukoll li b’determinazzjoni San Lawrenz ħabb sal-aħħar lil Ġesù u bl-ironija tiegħu jwassal messaġġ lil min mingħalih għandu l-poter fuq il-ħajja, billi jgħidlu “ġismi tista’ taħraqhuli imma qalbi xorta waħda tibqa’ ta’ Ġesù”.
Temm jgħid li llum il-ġurnata, bħal San Lawrenz hawn diversi martri li qed jagħtu ħajjithom lil Kristu fosthom l-Eġizzjani Kopti li nqatlu fix-xatt tal-baħar Mediterranju sabiex ma jiċħdux lil Ġesù.
Ritratt: arkivji