Nixtieq li ċ-ċittadini jkollhom poter daqs il-Parlament Ewropew – Marlene Mizzi

Il-Membru tal-Parlament Ewropew (MPE) Marlene Mizzi qalet li għandha li l-għan li tara li ċ-ċittadini jkollhom poter daqs il-Parlament Ewropew (PE) u l-Kunsill biex jipproponu inizjattivi u politiki ġodda fl-Ewropa.
Din il-ġimgħa l-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew approva unanimament ir-regoli ġodda għar-reviżjoni tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej.
Mizzi qalet li kien hemm kunsens li jsir titjib fir-regoli tal-preżent li jagħtu leħen liċ-ċittadini Ewropej meta jorganizzaw, jipparteċipaw, jew sempliċiment juru l-appoġġ tagħhom għal dawk l-inzjattivi li jtellgħu ċittadini oħra.
L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ġiet introdotta qabel it-Trattat ta’ Liżbona, bl-għan li żżid ir-rwol taċ-ċittadin f’dak li huwa l-proċess leġiżlattiv li bih tfassal il-liġi Ewropea. B’dan il-mod wieħed iħeġġeġ liċ-ċittadin biex jinfluwenza l-leġiżlazzjoni li tkun qed tiġi mfassla.
L-MPE qalet li din l-inizjattiva ma laħqitx mal-aspettattivi.
“Il-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni tista’ tkun waħda li ssolvi bosta problemi relevanti li qegħdin jillimitaw il-faċilità ta’ dan l-instrument” żiedet tgħid Mizzi.