“Nixtieq Knisja fqira għall-fqar” – Il-Papa Franġisku

Il-Papa Franġisku indirizza lill-ġurnalisti li jinsabu Ruma. Huwa rringrazzjhom għax-xogħol tagħhom. Qal li l-Knisja u l-media għandhom ixandru l-verità. Saħaq li mhux faċli tinterpreta l-fidi.

Huwa kompla billi ta ir-raġuni wara l-isem magħżul ta’ Franġisku. Qal li l-imħabba lejn il-fqir u l-emarġinat spirawh biex jieħu l-isem li għażel. Semma kif San Franġisk kien raġel ta’ paċi, faqar, li kien jgħożż il-kreazzjoni. Qal li minħabba n-natura tal-Knisja nnifisha, mhux dejjem faċli li tikkomunika b’mod effettiv, minħabba li n-natura tal-Knisja hija waħda spiritwali u mhux politika. Semma kif fuq il-passi tal-Qaddis minn Assisi, jixtieq jara “Knisja fqira għall-fqar”

http://flv.kataweb.it/player/v4/player/player_v1a.swf

Fil-laqgħa tiegħu mal-ġurnalisti il-Papa Franġisku kompla jgħid li l-Knisja għandha tiġi rrappreżentata fuq in-natura spiritwali tagħha u l-ħidma tal-Knisja tibqa’ ffukata maċ-ċentriċita’ ta’ Kristu li huwa fil-qalba ta’ kollox, u li mingħajru, Pietru u l-Knisja ma kienux jistgħu jeżistu. Semma li l-protagonista f’dan kollu huwa l-Ispirtu s-Santu li ispira lill-Benedittu XVI jieħu d-deċiżjoni li jwarrab għall-ġid tal-Knisja u lill-Kardinali sabiex jeleġġu Papa ġdid.

Il-Papa għalaq din il-laqgħa billi awgura lill-ġurnalisti u qal li jifhem li mhux neċessarjament kulħadd huwa Kattoliku u jemmen it-twemmin tal-fidi Kattolika, qal li jirrispetta l-kuxjenza ta’ kull wieħed preżenti u jemmen bi sħiħ li kulħadd huwa iben Alla.