Awdjo: “Nivvota favur deroga għall-kaċċa iżda ma nippermettix l-abbuż” – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li fir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa se jivvota favur id-deroga li kien innegozja l-Partit Nazzjonalista stess.
Ħabbar ukoll li l-Partit Nazzjonalista mhux se jikkampanja għar-referendum u se jħalli lill-poplu jivvota fil-libertà.
Huwa ħeġġeġ lill-poplu biex joħroġ jivvota u jqis li dan id-dritt għandu jingħata wkoll liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena ‘l fuq.
Simon Busuttil enfasizza li l-Partit Nazzjonalista se jirrispetta r-riżultat tar-referendum anke jekk ikun fil-Gvern.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-kaċċa f’Malta tista’ ssir wara li Gvern Nazzjonalista kien innegozja deroga qabel is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Simon Busuttil qal li Gvern Nazzjonalista kien kiseb il-bilanċ dwar il-kaċċa imma din tkissret minn Joseph Muscat għaliex qabel l-elezzjoni ġenerali wiegħed kollox lill-kaċċaturi.
Hawnhekk il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li kien il-Gvern Laburista li kisser il-bilanċ li kien inħoloq biex tiġi pprattikata l-kaċċa tant li taħt dan il-Gvern qed tqum din il-kwistjoni tar-referendum.
Qal ukoll li issa l-Prim Ministru se jmur jivvota favur deroga li kiseb il-Gvern Nazzjonalista.
Simon Busuttil qal li meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern ried li jkun hawn bilanċ bejn il-kaċċa u l-ħarsien tal-ambjent.
Qal ukoll li r-referendum huwa l-ogħla forma demokratika u fakkar kif dan id-dritt iddaħħal mill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern. 

Reazzjoni Partit Laburista
B’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li filwaqt li Simon Busuttil kien wieħed minn dawk li ġġieled għad-deroga, fl-istess ħin ħa ġimgħa biex iddeċieda x’se jagħmel.
Qal li minħabba f’hekk Simon Busuttil ma jistax jittieħed bis-serjetà u li jikkonferma li hu dgħajjef.