“Nittama li ma ġiex imsikket darba għal dejjem” – Fenech Adami

Miguela Xuereb

Id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami saħaq li l-Istat falla milli jiddefendi lil xhud ewlieni fl-ikbar każ li qatt seħħ f’Malta, b’referenza għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huwa qal li jittama li Theuma ma ġiex imsikket darba għal dejjem.

Hu u jwieġeb lil Fenech Adami, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-kundizzjoni ta’ Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju tal-ġurnalista, hija waħda kritika iżda stabbli. Stqarr li Theuma jinsab rikoverat fit-Taqsima tal-Kura Intensiva (ITU).

Fearne qal li l-aħħar aġġornament dwar il-kundizzjoni ta’ Theuma kien għall-ħabta tas-1.30pm. Irringrazzja lill-professjonisti tas-saħħa filwaqt li awgura li Theuma jirkupra saħħtu u jwettaq id-dmir tiegħu bħala xhud ewlieni fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.