“Nittama li l-politiċi jaslu għad-deċiżjoni t-tajba dwar l-immigranti” – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna, waqt intervista mal-ġurnalisti ta’ TG3 sostna li f’mumenti bħal dawn wieħed jittama li l-politiċi jaslu għad-deċiżjoni t-tajba dwar l-immigranti, filwaqt li sostna dwar l-importanza li dawn jiġu appoġġjati.

Mal-ġurnalist Pier Damiani D’Agata sostna li l-appell li qed jagħmel bħala Arċisqof huwa li hemm bżonn niftakru li hawnhekk qed nitkellmu fuq persuni li jinsabu f’sitwazzjonijiet ferm diffiċli. Kompla billi appella għall-umanita.

Bħalissa hemm 49 persuna, inkluż nisa u tfal, jistennew fuq żewġ dgħajjes ta’ għaqdiet li jsalvaw lin-nies biex jidħlu f’port sigur.

Filmat: Il-migranti qed isofru inġustizzja – l-Arċisqof minn fuq il-Lifeline

Fil-jiem li għaddew, l-Arċisqof qal li d-49 migrant li bħalissa jinsabu fil-baħar Mediterran qed isofru “inġustizzja kbira”, waqt żjara li għamel fuq il-bastiment Lifeline. Dan il-bastiment għadu maqbud Malta minħabba każ fil-Qorti wara li kien salva 234 immigrant irregolari.

Petizzjoni għan-nies bejn sema u ilma; Illum it-18-il ġurnata

L-Arċisqof kien appella lill-Ewropa biex issib soluzzjoni immedjatament biex id-49 persuna li issa ilhom fuq il-baħar għal 18-il ġurnata, jidħlu f’port sigur. Skont l-Arċisqof, il-fenomenu tal-migrazzjoni huwa wieħed kumpless. “Il-ħajja umana hija prezzjuża u qatt ma għadhom isiru negozjati à skapitu tal-persuni li qed isofru”, saħaq l-Arċisqof.