“Nittama li ftaħna għajnejn dawk li għaddejjin minn vjolenza domestika” – Claire

Ritratt: Facebook/ClaireMagro

Nhar il-Ġimgħa waslet fi tmiem is-sensiela Merjen li Take 2 Entertainment ippreżentaw fuq l-istazzjon One fi tlett puntati.

Din is-sensiela ġiet proprju fi żmien meta f’pajjiżna kien għaddej il-każ ta’ Chantelle Chetcuti.

Għalkemm l-istorja ta’ Merjen m’għandhiex x’taqsam b’mod dirett ma’ dan il-każ, l-istorja li kienet ibbażata fuq storja vera kienet tittratta l-vjolenza domestika bi tmiem traġiku li bla dubju ħasad lil kull min kien qed isegwiha.

Mat-tmiem is-sensiela kienet l-attriċi Claire Magro li nterpretat il-parti ewlenija li qasmet il-ħsibijiet tagħha.

“Ma nistax inkun grata biżżejjed għal din l-esperjenza li għenitni nikber tant. Inħossni grata li kellna naqsmu dan magħkom kollha,” bdiet biex tgħid waqt li faħħret lil Abigail Mallia u lil Carlos Debattista tat-Take 2 Entertainment u anki dawk involuti f’din il-produzzjoni li oriġinarjament kienet produzzjoni teatrali ta’ Salvu Mallia li rebħet il-Premju Francis Ebejer u ġiet addattata għat-televiżjoni minn Carlos Debattista.

Magro kompliet tgħid li permezz tas-sensiela Merjen tittama li l-istorja fetħet għajnejn dawk in-nies li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ vjolenza domestika.

“Jekk jogħġbok fittex l-għajnuna. Huwa importanti ħafna,” temmet tgħid hi.

L-aħħar puntata ta’ Merjen se tkun qed tixxandar mill-ġdid illejla fuq l-istazzjon One fil-ħin tal-10.20pm.

Tajjeb ukoll li wieħed jieħu nota tan-numri fejn min għandu bżonn l-għajnuna jitkellem dwar sitwazzjonijeit ta’ vjolenza domestika jista’ wkoll ifittex l-għajnuna permezz ta’ dawn il-kuntatti:

Emerġenza – 112

Supportline – 179

Email: childwebalert@gov.mt