“Nitolbok ħniena” – raġel; “Missek ħsibtha qabel” – Maġistrat

Ingħata l-libertà proviżorja raġel li ammetta li seraq xi affarijiet minn karozza pparkjata. Il-Qorti semgħet kif Jonathan Attard ta’ 39 sena mill-Iklin, kien ilu ma jmiss mad-droga mat-13-il xahar wara li kien lesta programm ta’ rijabilitazzjoni, iżda t-Tlieta li għadda seraq minn karozza.

Fix-xhieda tiegħu, l-akkużat infaqa’ jibki waqt li talab lill-Maġistrat Aaron Bugeja sabiex juri ħniena miegħu. Ammetta mal-Maġistrat li jaf li għamel ħażin tant li lest iħallas għad-danni kollha u ħalef li mhux se jerġa’ jidher quddiemu fil-qorti.

Għal dan, il-Maġistrat wieġeb li huwa għandu “idejh marbuta” u li missu ħaseb f’dawn l-affarijiet qabel ma seraq il-karozza fis-sigħat bikrin ta’ nhar it-Tlieta. Wissieh li issa hija l-prova vera għalih biex juri li qabad it-triq it-tajba. Ir-raġel qal li fehem lill-Maġistrat.

Jonathan Attard beda jaħdem dan l-aħħar ma’ kumpanija li tirmunka l-karozzi, u fl-ewwel stqarrija tiegħu mal-Pulizija, mal-ewwel ammetta l-involviment tiegħu fis-serqa.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-libertà proviżorja fuq garanzija personali ta’ €10,000, u fuq il-kundizzjoni li l-akkużat imur jiffirma fl-għassa kuljum, u li jidħol id-dar sa ċertu ħin.