“Nitlob lil San Ġużepp iħarisna f’dan il-mument ta’ bżonn kbir” – L-Arċisqof

CURIA

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna talab lil San Ġużepp, illum fil-jum iddedikat għalih, sabiex iħares lid-dinja, b’mod speċjali l-Gżejjer Maltin “f’dan il-mument ta’ bżonn kbir”.

Hu qal dan fl-omelija tal-quddiesa tal-Festa ta’ San Ġużepp, fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù fir-Rabat. Spjega li fil-festa ta’ San Ġużepp ta’ din is-sena, l-Ewkaristija qed tkun iċċelebrata f’ċirkustanzi speċjali. Qal li din is-sena tista’ tkun imsejħa wkoll Ġużeppina, hekk kif fit-8 ta’ Diċembru li ġej, se tkun iċċelebrata l-150 sena minn mta l-Beatu Papa Piju IX iddikjara lil San Ġużepp patrun tal-Knisja universali.

L-Arċisqof spjega li San Ġużepp, il-patrun tal-Knisja universali, huwa dak li ntgħażel minn Alla “biex iħares il- ħajja tal-Imgħallem Divin, jgħallmu s-sengħa ta’ mastrudaxxa u jieħu ħsiebu sakemm kienet trid il-providenza tal-Missier.”

Spjega kif fl-Evanġelju tal-lum ta’ San Mattew, wieħed jirrealizza li “l-missjoni ta’ San Ġużepp kienet ukoll missjoni li ma jħarisx biss lill-Iben imma fuq kollox lill-omm li kellha ġġorr lill-Iben u twelldu.” Mons. Scicluna qal li San Ġużepp huwa dak li jħares il-fama tajba ta’ Marija, dan hekk kif il-liġi tagħtu s-setgħa li jħaġġarha. Li kieku għamel hekk kien joqtol lilha u lit-tarbija.

“Il-qalb ta’ San Ġużepp tgħożż l-identità tat-tarbija, anzi jingħata l-privileġġ u l-missjoni li jagħtih l-isem: Ġesu. U ma’ dan l-isem l-anġlu tal-Mulej jispjega lil Ġużeppi għaliex l-Iben ta’ Alla kellu jsir bniedem,” qal Mons. Scicluna. Spjega li San Ġużepp sa mill-bidu tat-tnissil ta’ Ġesu kien jaf x’inhi l-missjoni tat-tifel u għalhekk hu ma ħarisx biss il-ħajja fiżika ta’ Ġesu imma sar ukoll dak li jħares il-missjoni ta’ Ġesu.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn