“Nitlob apoloġija lil Alison Bezzina; ġejt interpretat ħażin” – Cutajar

Read in English.

Anton Cutajar, sid l-Arka ta’ Noe fis-Siġġiewi, talab apoloġija lill-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali Alison Bezzina. “Jekk forsi b’xi mod Alison Bezzina hassitha offiza b’dak li ghidt li se nibghat ittra, lest li naghmel apoloġija pubblika,” qal hu permezz ta’ post fuq Facebook.

Is-sid taz-zoo, li nbena illegalment u ġiet sanzjonata mill-Awtorità tal-Ippjanar, kompla jgħid li hu ġie interpretat ħażin għax hemm min qed jgħid li l-ittra li qal li se jibgħat dwar it-tneħħija ta’ Bezzina se jibgħatha lil xi Ministru Malti jew il-Prim Ministru. Sostna li l-ittra li se jibgħat se jgħaddiha lill-Unjoni Ewropea għax fl-opinjoni tiegħu Kummissarju tal-Annimali għandu jkollu esperjenza fis-settur u mhux jitpoġġa f’din il-pożizzjoni ghax ikun “animal lover”. Kompla jgħid li hu lest li jgħin lill-Kummissarju għall-ġid tal-annimali.

Dan ġie wara li lbieraħ, il-Pulizija tad-Distrett fejn joqgħod Anton Cutajar qalet li se tieħu l-passi neċessarji fil-konfront tiegħu wara filmat li xerred li fih qal li lest ineħħi lill-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali Alison Bezzina mill-pożizzjoni tagħha jekk tieħu azzjoni kontra ż-zoo tiegħu.

F’filmat imxandar b’mod dirett it-Tlieta, Anton Cutajar wissa lill-Kummissarju Bezzina li jekk tibqa’ sejra kif inhi sejra, se jibgħat ittri lil min hu meħtieġ u jneħħiha mill-kariga tagħha. Cutajar allega li l-kummenti tal-Kummissarju huma parti minn aġenda kontrih. Saħaq li aktar kemm jagħmlulu, hu aktar jissaħħaħ.

Fix-xandira tiegħu li damet nofs siegħa, huwa rreaġixxa għall-kummenti ta’ Bezzina meta din qalet li ż-zoos mhumiex “ideali,” u li l-pożizzjoni tagħha hi waħda: li l-annimali mhux posthom fil-gaġeġ. Semmiet kif l-għadd ta’ zoos f’Malta żdiedu u li s-sitwazzjoni tirrikjedi li ż-zoos ikunu regolati kif suppost sabiex issir inqas ħsara lill-annimali.

Il-Kummissarju Bezzina għamlet il-kummenti tagħha wara li t-Tnejn, ingħalqet il-konsultazzjoni pubblika fuq ir-regoli l-ġodda proposti għaż-zoos. Il-Gvern mar lura mill-pjanijiet tiegħu li jipprojbixxi l-ippettjar tal-annimali.

F’messaġġ ieħor fuq Facebook ippubblikat ilbieraħ, Cutajar qal li hu fl-ebda ħin ma semma politika. Qal li hu kull ma semma kien li persuni li jħobbu ż-zoos huma ħafna aktar fil-maġġornza, “mhux bħal xi persuni li riedu jdawru din f’ballun politiku”. Sostna li meta qal li hu jappoġġja lill-Partit Laburista ma kien qed jgħid xejn ġdid u dan lanqas ma jfisser li jobgħod lin-Nazzjonalisti.

Ammetta li meta tella l-live video tkellem b’ton naqra għoli iżda sostna li l-pubbliku jaf li ilu ġimgħatejn jaqla attakki fuq il-midja soċjali minħabba ż-zoo tiegħu. Irrimarka li l-akbar weġgħa kienet meta akkużawh li qed jagħti d-drogi lit-tigri. “Semmuli xi ġenitur li ma jħossx meta jakkużawh li jagħtu d-drogi lil uliedhom. Jiena għalija l-annimali huma wliedi. U kull min għandu xi annimal id-dar jista’ jifhem x’qed ngħid, taqbel u ma taqbilx maż-zoos,” insista hu.

Kompla billi qal li għandu esperjenza mal-annimali eżotiċi u jemmen li jista’ jagħti pariri lill-Kummissarju. Qal ukoll li lest jgħin fejn jidħlu santwarji biex jittejbu għall-ġid ta’ kull annimal.

Fondazzjoni Ingliża tikkundanna l-proposti tal-Gvern Malti

Intant, il-Fondazzjoni Born Free bbażata fl-Ingilterra kkundannat il-proposti tal-Gvern Malti dwar l-ippettjar tal-annimali. Fi stqarrija, din il-Fondazzjoni qalet li aktar kemm jgħaddi ż-żmien, qed issir aktar ċara r-raġuni wara l-bidliet tal-Gvern Malti.

Dr Mark Jones, il-Head of Policy tal-Fondazzjoni qal li l-proposta oriġinali rrikonoxxiet li t-tqandil u kuntatt fiżiku mill-qrib mal-annimali slavaġ kellha ċans kbir li tikkomprometti s-saħħa fiżika u psikoloġika tal-annimali kkonċernati, kif ukoll tipperikola s-sigurtà pubblika. Qal li dawn huma punti essenzjali u huma eżattament għaliex l-abbozz ta’ liġi għandha tinżamm kif kienet ippreżentata oriġinarjament, bi projbizzjoni ta’ ‘petting’.

Il-Fondazzjoni kompliet tgħid li l-Gvern Malti pprova jiskuża dawn il-bidliet fir-regolamenti l-ġodda dwar iż-żamma ta’ annimali slavaġ fiż-zoos, fejn l-abbozz tal-avviż legali li ħareġ oriġinarjament (li kien jgħid li t-tqandil u ‘petting’ ta’ annimali fiż-zoos kien se jkun ipprojbit), billi stqarr li kien ġie ppubblikat bi żball. Skont kelliem għall-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, il-verżjoni korretta ittellgħet fuq is-sit fi żmien 24 siegħa.

Kien spjegat kif din ir-reviżjoni allarmat lil Born Free, minħabba li “se tesponi lill-membri tal-pubbliku għal livell inaċċettabbli ta’ riskju u tista’ tesponi lill-veterinarji involuti għal responsabbiltà finanzjarja kbira ħafna jekk iweġġa’ xi ħadd minħabba ‘petting’ jew kuntatt ieħor li huma awtorizzaw.” Dan skont Dr Jones, veterinarju ikkwalifikat.

Born Free, organizzazjoni rikonoxxuta fil-qasam taż-żamma tal-annimali slavaġ f’ambjenti magħluqin bhalma huma ż-zoos, issottometiet il-kummenti tagħha fil-konsultazzjoni pubblika fuq l-abbozz ta’ liġi “Keeping of Wild Animals in Zoos Regulations 2020” u għamlitha ċara li kienet opposta għaż-żamma tal-annimali slavaġ għal ‘performances’ jew ‘shows’, kif ukoll għall wiri. Born Free temmen li, għalkemm iż-zoos jgħidu li huma ċentri tal-konservazjoni u tal-edukazzjoni, huma prinċipalment negozji kummerċjali, u eżempju ta’ dan huwa l-użu komuni tal-frieħ għal ‘petting’ f’Malta. Born Free temmen li eventwalment, faċilitajiet li joffru annimali slavaġġ għall-wiri għandhom jingħalqu b’mod gradwali u minflok, għandu jkun hemm investiment akbar fil-konservazzjoni tal-annimali slavaġġ fl-ambjent naturali tagħhom.