“Nistgħu nsolvu l-problemi bejnietna billi naqbdu t-telefown, mhux niġġieldu” – Russja

“Ir-Russja u l-Istati Uniti jistgħu jsolvu l-kwistjonijiet kollha li għandhom billi jaqbdu t-telefown u jitkellmu.”
Hekk qalet il-kelliema għall-Ministeru tal-Affarijiet Barranin fur-Russja, Maria Zakharova, meta kienet qed titkellem dwar l-aħħar xrar perikoluż li ntefa’ mill-President Amerikan, Donald Trump, li bi tweet jumejn ilu hedded li jispara missili fuq is-Sirja.
F’intervista lis-CNN, Zakharova tenniet b’kif wieġbet ir-Russja wara t-tweets ta’ Trump, jiġifieri li jekk l-Istati Uniti jattakka lis-Sirja, ir-Russja twieġeb billi tieħu n-naħa tan-nies tagħha fir-Sirja.
Trump kien qed jirreaġixxi għall-allegat attakk kimiku mill-Gvern Sirjan fuq il-belt ta' Douma s-Sibt li għadda.
Mistoqsija dwar il-possibiltà kerha li tinqala’ gwerra bejn iż-żewġ superqawwiet u jinxtered id-demm, wieġbet li kemm l-Istati Uniti kif ukoll ir-Russja għandhom l-għodda kollha biex ma jħallux xi ħaġa diżastruża bħal din isseħħ.
Zakharova ngħatat ix-xenarju tal-kriżi f’Kuba fl-1962, li kważi tefgħet lid-dinja fit-tarf ta’ gwerra nukleari, il-kelliema wieġbet li m’għadniex ngħixu f’nofs is-Seklu 20. “Nixtieq infakkar li llum l-2018, u l-mezzi ta’ komunikazzjoni tant kotru li m’hemmx raġuni għalfejn il-qawwiet tad-dinja  m’għandhomx għalfejn ikunu kapaċi jirranġaw kollox b’telefonata jew messaġġ, u jiksbu l-paċi."
Temmet tgħid li r-Russja mhix tistenna grazzi għal dak li qed tagħmel, iżda tippretendi koperazzjoni minn kulħadd sabiex jiġi miġġieled it-terroriżmu.
Riċentament, Trump gerger li ħadd qatt ma rringrazzja lill-Istati Uniti għall-kampanja kontra t-terroriżmu li għaddej biha fis-Sirja.
Sadanittant, ilbieraħ Trump qal li jista’ jkun li d-deċiżjoni dwar attakk fuq is-Sirja tittieħed “fil-ħin li ġej”, filwaqt li l-mibgħut tar-Russja fin-Nazzjonijiet Magħquda, Vassily Nebenzia, m’eskludiex “gwerra” bejn ir-Russja u l-Istati Uniti.