“Nistgħu nikkollaboraw biex illum jew għada tasal il-ġustizzja” – l-Arċisqof

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna qal li l-bnedmin jistgħu jikkollaboraw biex illum jew għada tasal il-ġustizzja.
Waqt l-omelija tiegħu għall-Quddiesa Pontifikali fil‐festa ta' San Publiju fil-Furjana, Mons. Scicluna qal li jkun hemm persuni li jixxennqu għall-ġustizzja daqs l-istint primittiv tal-bniedem meta jkollu l-ġuħ jew l-għatx.
Mons. Scicluna fakkar fil-vers tal-Vanġelu “ħenjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin.”
L-Arċisqof qal li l-kliem “hieni” u “mbierek” li jissemmew ħafna fil-Vanġelu tal-lum huma sininomi mal-kelma “qaddis”.
Mons. Scicluna qal ukoll li l-messaġġ tal-kelma tal-Mulej torbot ħafna mal-Eżortazzjoni Appostolika ġdida tal-Papa Franġisku.  Il-frażi tal-isem tal-Eżortazzjoni hija meħuda mill-Beatitudnijiet tal-Evanġelju skont San Mattew u t-tema ta’ dan id-dokument tal-Papa se tkun dwar is-sejħa għall-qdusija fid-dinja tal-lum.
Waqt l-omelija tiegħu Mons. Scicluna tkellem dwar kif il-qalb li mhix fqira fl-ispirtu ma tħallix wisa’ għall-kelma ta’ Alla. Qal li l-qaddisin jgħallmu li l-qalb m’għandhiex timtela’ bil-ġid tal-art.
Ħenjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art
L-Arċisqof isejjaħ l-espressjoni – “dawk li għandhom qalbhom ħelwa huma ħenjin” – bħala waħda qawwija. Spjega li f’ħafna postijiet issib min jeħodha kontra xulxin u li n-nies jiġu kklassifikati minħabba d-drawwiet tagħhom.
Fi kliem Mons. Scicluna, “id-dinja tippreferi tgħatti s-sitwazzjonijiet tat-tbatija”. Qal li huwa tajjeb li persuna tkun kapaċi tara l-affarijiet kif inhuma tassew. Żied jgħid li mhux umiljanti li l-bniedem jiffaċċja r-realtajiet ibsin fil-ħajja tiegħu.
Waqt l-omelija l-Arċisqof irrefera wkoll għall-kliem San Franġisk li qal li min ikollu qalb li taf tħobb ma jħallix jidħlu affarijiet li kapaċi jnaqqsu min din l-imħabba.
Ħejnin dawk li huma ippersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet
L-Arċisqof qal li min ikun xhud ta’ kemm iħobb lil Alla, dan ma jibżax jixhed għall-impenn li ħa fil-magħmudija tiegħu.
Ritratt: Kurja – knisja.org/ritratti