Nistennew il-miġja ta’ Ġesù billi nikkonvertu

Il-Papa Franġisku waqt l-Angelus fit-Tieni Ħadd tal-Avvent

Fi żmien l-Avvent il-Papa Franġisku qed jiddedika r-riflessjonijiet qabel ir-reċita tal-Angelus kull nhar ta’ Ħadd, għal dan il-perjodu qaddis li fih il-Knisja Kattolika tipprepara ruħha għall-miġja tal-Mulej. Nhar il-Ħadd li għadda hu rrifletta fuq l-Evanġelju tal-ġurnata li jgħallimna li l-konversjoni hi l-mod kif għandna nistennew din il-miġja.

Il-Papa Franġisku ddeskriva lil Ġwanni l-Battista bħala “gwida” għall-vjaġġ tagħna lejn il-konversjoni. Fl-Evanġelju, San Luqa, jippreżentah “għaddej mill-Ġordan jipproklama magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet”. San Luqa fehem li Ġwanni kien il-milja tal-profeziji ta’ Isaija ta’ mogħdijiet li jiddrittaw, widien li jimtlew u muntanji li jitbaxxew.

Il-Papa spjega li ssejħa tal-Għammied hi essenzjalment l-għarfien “tal-bżonn li nikkonvertu”. Hu l-wied tal-indifferenza li jeħtiġilna nimlew billi “niftħu lilna nfusna għal ħaddieħor” kif għamel Ġesù, billi nkunu attenti għall-bżonnijiet tal-oħrajn. Hi l-muntanja tas-suppervja li rridu nbaxxu.

Dan nistgħu nagħmluh, qal il-Papa, “b’ġesti konkreti ta’ rikonċiljazzjoni ma ħutna billi nitolbu maħfra għan-nuqqasijiet tagħna”. Il-konversjoni tkun kompluta meta “b’umiltà nirrikonoxxu l-iżbalji, l-infedeltà u l-fallimenti tagħna”.

L-istedina ta’ Ġwanni l-Battista għall-konversjoni kienet waħda qawwija u severa imma mitigata minn azzjonijiet li juru maħfra u mħabba. B’hekk hu qajjem l-istennija għall-Messija fil-ħafna nies li marru għandu biex jindmu u jitgħammdu.

Min jemmen iżomm lil Ġesù fiċ-ċentru ta’ ħajtu, żied jgħid il-Papa. “Bil-kelma tiegħu ta’ dawl, imħabba u konsolazzjoni, aħna li llum aħna dixxipli Tiegħu, aħna msejħa biex inkunu xhieda umli u kuraġġużi tiegħu biex inkebbsu t-tama u nfehmu li minkejja kollox, is-Saltna t’Alla tkompli tinbena jum wara l-ieħor, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu”, temm jgħid Papa Franġisku lill-folla miġbura fi Pjazza San Pietru.