Filmat: “Nistenna l-inkjesti qabel niddeċiedi” – Il-PM dwar Schembri u Mizzi

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li qabel jiddeċiedi dwar jekk jiħux azzjoni fuq il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, se jistenna li jiġu konklużi l-investigazzjonijiet u l-inkjesti li qed isiru minn dawk li sejjaħ awtoritajiet indipendenti.

Il-Prim Ministru kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara avveniment imtella’ mill-MEUSAC fil-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej fil-Belt Valletta. Dan hekk kif ma sejjaħx konferenza tal-aħbarijiet wara dak żvelat mit-Times of Malta u r-Reuters, li l-kumpanija 17 Black hija tad-Direttur tal-Power Station tal-Electrogas Yorgen Fenech, li huwa wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp Tumas.  Diversi kienu li rreaġġixxew għal din l-aħbar, bil-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jsejjaħ konferenza tal-aħbarijiet waranofsinhar.

Il-Prim Ministru qal li hu se jitkellem fuq dawk li sejjaħ fatti, minflok jieħu l-mistoqsijiet li fi kliemu huma maħsuba li jwasslu għal risposta partikolari. Huwa sostna li m’għandux għarfien ta’ x’għandhom il-ġurnalisti. Ħin minnhom huwa wieġeb lil wieħed mill-ġurnalisti, bil-kliem ‘ma nafx x’taf’.  Muscat baqa’ jsostni li qed jiġu kkwotati dokumenti li qed jingħad li huma mill-investigazzjonijiet li qed isiru mill-awtoritajiet Maltin. Hawn Muscat qal li sal-bieraħ stess kien qed jingħad li dawn l-investigazzjonijiet ma kinux qed isiru.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar jekk kienx ikun komdu li kieku kien fl-Oppożizzjoni u ġara każ fejn Ministru tal-Gvern u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru nqabdu b’kumpaniji fil-Panama bi pjan li jirċievu flejjes kbar mingħand promotur ta’ impjant tal-gass li mbagħad intgħażel u li sewa mijiet ta’ miljuni permezz ta’ kumpanija f’Dubaj; Muscat wieġeb li kien fl-Oppożizzjoni meta Austin Gatt, “li ċ-Chief of Staff tiegħu huwa xi ħadd magħruf ħafna nesa jiddikjara kont fl-Iżvizzera”. Muscat sostna li dakinhar il-Prim Ministru kien komdu bih. Meta Newsbook.com.mt prova jistaqsi mistoqsija oħra l-Prim Ministru spiċċa bi “grazzi ħafna”. Iktar kmieni Newsbook.com.mt prova jieħu kumment tal-Prim Ministru quddiem Kastilja iżda Joseph Muscat ma riedx iwieġeb bil-ġurnalista tintalab tmur għall-avveniment.