“Nistaqsi dan vera jew qed noħlom?” – Federica Falzon

Fil-Knisja tal-Ħniena Divina f’ San Pawl tat-Tarġa l-kantanta Federica Falzon bdiet il-provi għall-kunċert ta’ Joseph Calleja li se jsir fit-18 ta’ Lulju fuq il-Fosos.  Hekk kif iltaqgħet mal-kor ta’ mitejn tifel u tifla oħra mmexxi minn Gillian Zammit, il-kantanta ta’ 11-il sena kompliet tifhem u tinduna li ħolma li ilha tixtieq is-snin dalwaqt se ssir realta.
Meta tkellmet ma’ Newsbook.com.mt eżatt wara l-prova, f' kummenti esklussivi Federica qalet li tħossha ferħana ħafna. “Mhux biss ferħana imma onorata li se nkanta ma’ Calleja. Kuntenta li wara Ti Lascio una Canzone se nkun f’pajjiżi qalb il-Maltin li tant appoġjawni tul it-triq! Sikwit nistaqsi … dan vera jew qed noħlom?”
Il-kantanta ta’ 11-il sena minn Ħal Safi se tkun qed tkanta fi dwett ma’ Calleja. Fil-kunċert organizzat minn NnG se jkantaw ukoll bosta kantanti ta’ fama internazzjonali fosthom il-kantant Claudio Baglioni u Leona Lewis.