​“Nista’ nifhem aktar lill-pazjenti” – studenta tal-mediċina li kellha l-kanċer

Abigail Pace, studenta tal-mediċina li kellha l-kanċer, qalet li meta se tilħaq tabiba tkun tista’ tifhem aktar lill-pazjenti tagħha.
Waqt intervista’ ma’ Newsbook.com.mt Abigail spjegat li meta kienet fit-tielet sena tal-università saret taf li kellha l-kanċer. Spjegat li din kienet sfida ta’ sitt xhur tbatija. Però, tħoss il-kuraġġ peress li rnexxielha tiġġieled il-marda.
Ma’ Newsbook.com.mt Abigail qalet li peress li kienet tistudja l-mediċina kienet tifhem aktar minn xiex inhi għaddejja, però kienet tibża’ wkoll għax kienet taf x’seta’ jiġrilha.
Abigail qalet li kien diffiċli għaliha li tara lil sħabha tal-kors mexjin ‘il quddiem. Min-naħa l-oħra qalet li kellha ħafna sapport mingħand il-familja, l-għarus, u l-ħbieb tagħha.
Skont, Abigail huwa importanti li wieħed jieħu kull sfida pass pass u li jibqa’ pożittiv.
F’Jannar li għadda, Abigail Pace qalet mal-Assoċjazzjoni tal-Istudenti tal-Mediċina Maltin (MMSA) li kienet bdiet tagħmel il-kartolini biex tħossha aħjar u biex tagħmel differenza fil-ħajja ta’ ħaddieħor.
Filmat: Ian Noel Pace