“Nista’ naħbi l-karus tiegħi għandek?” – PanamaPapers spjegata b’karus

Faċli li wieħed jinfixel meta jibda jisma’ dwar il-każ tal-PanamaPapers u t-2.6 terabyte ta’ dokumenti li kienu żvelati, li jikxfu korruzzjoni u evażjoni tat-taxxa globalment.
Għalhekk, il-user tas-sit t’aħbarijiet soċjali Reddit, bl-isem ta’ DanGliesack, sab mod eħfef kif jispjega x’inhi dil-kwistjoni tal-PanamaPapers b’mod li anke tifel jew tifla ta’ 5 snin ikun jista’ jifhimha. Vox.com imbagħad ħoloq serje ta’ grafika li jirrakkontaw din l-istorja.

Dan hu l-mod kif DanGliesack spjega l-iskandlu tal-PanamaPapers, tradotta għall-Malti:
“Immaġina li qlajt €1 u poġġejtha f’karus. Il-karus qiegħed fuq xkaffa fil-gwardarobba tiegħek. Ommok taf li int għandek karus fuq l-ixkaffa tal-gwardarobba u kultant żmien tiċċekkjah ħalli tkun taf kemm għandek flus u xi nfaqt.
Darba inti tiddeċiedi li ma tridx li ommok tibqa’ tiċċekkjalek flusek, allura tmur għand il-ħabib tiegħek Johnny b’karus ieħor u tgħidlu jżommulek fil-kamra tiegħu. Inti tikteb ismek fuq il-karus u tpoġġieh fuq l-ixkaffa tal-gwardarobba ta’ Johnny. Omm Johnny dejjem ikollha ħafna x’tagħmel u ma ssibx ċans tiċċekkjalu l-karus. Allura inti tista’ tħalli l-karus tiegħek għand Johnny u la ommok u lanqas omm Johnny ma tkun taf bih u kollox jibqa’ sigriet.
Meta tgħid lil sħabek, kollha togħġobhom l-idea, u kulħadd imur id-dar ta’ Johnny b’karus ieħor. Issa l-gwardarobba ta’ Johnny mimlija karusijiet ta’ sħabek kollha.
Darba, omm Johnny tmur id-dar u tiskopri l-karusijiet kollha. Hi tirrabbja ħafna u ċċempel lill-ġenituri kollha tat-tfal biex tgħidilhom.
Mhux kulħadd ħalla karus ieħor għand Johnny b’intenzjoni ħażina. Ħu Eric dejjem jisraqlu l-flus mill-karus, allura ried post aħjar fejn jista’ jaħbi flusu. Timmy ried iġemma l-flus għal rigal għal għeluq snin ommu mingħajr hi ma tinduna. Sammy għamilha għax għoġbitu l-idea.
Imma ħafna tfal oħra għamluha b’intenzjoni ħażina. Jacob kien qed jisraq il-flus mingħand sħabu u ma riedx li l-ġenituri tiegħu jindunaw. Michael kien qed jisraq il-flus mill-portmoni t’ommu. Il-ġenituri ta’ Bobby qalulu jagħmel dieta, u hu ma ridhomx jindunaw meta jonfoq flusu fuq ħelu.
Issa fir-realtà, inqabdu ħafna persuna importanti li kienu qed jaħbu l-karus tagħhom fid-dar ta’ Johnny fil-Panama. Illum il-ġenituri tagħhom kollha skoprew b’dan. Dalwaqt se nsiru nafu min minn dawn kienu qed jaħbu l-flus għal raġunijiet ħżiena u min għal raġunijiet tajbin. Iżda kważi kollha jinsabu fl-inkwiet, għax qatt m’għandek taħbi.”