Nista’ nagħti d-demm jekk ħadt it-tilqima tal-influwenza staġjonali?

Min-nhar it-Tnejn li għadda bdiet tingħata t-tilqima tal-influwenza staġjonali, u din is-sena b’mod partikolari, hi ferm irrakkomandata mill-awtoritajiet tas-saħħa. Naturalment  is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm iħeġġeġ lid-donaturi tad-demm biex jitlaqqmu mal-ewwel opportunità li jsibu, b’hekk kemm jista’ jkun jiġi assigurat li jkollna donaturi f’saħħithom biex jipprovdu d-demm fil-ħin għal dawk il-morda kollha rikoverati fl-isptarijiet ta’ Malta u Għawdex.

B’rabta ma’ dan, is-servizz jixtieq javża lil kull min ikun ħa t-tilqima li jrid iħalli ġimgħa tgħadddi qabel jersaq biex jagħti d-demm, u viċi versa, kull min ikun ta d-demm għandu jħalli ġimgħa tgħaddi qabel jitlaqqam.

Intant l-għoti tad-demm minn dawk eliġibbli għandu jsir:

  • fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum 7 ijiem fil-ġimgħa (inkluż fil-festi pubbliċi) mit-8:00am sas-6:00pm.  
  • fil-mobile blood donation unit li nhar il-Ħadd 18 t’Ottubru ser ikun maġenb il-Knisja Parrokkjali tal-Imqabba. Dakinhar il-ħin disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm ikun mit-8:30am sas-1:00pm.
  • fil-Berġa tax-Xewkija li nhar It-Tlieta 20 t’Ottubru ser tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

Noti importanti!

  • Meħtieġ li wieħed iġib il-Karta tal-Identità, jew il-Liċenzja tas-Sewqan jew Passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.
  • Minħabba l-imxija tal-COVID-19 qed jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi protett kulmin jersaq biex jagħti d-demm, kif ukoll il-professjonisti tas-Servizz. 
  • Kulmin ser jersaq biex jagħmel it-test, jew qed jistenna r-riżultat tal-coronavirus ma jkunx jista’ jitħalla jagħti demm għal perjodu temporanju. 

Dan it-tagħrif twassal min-National Blood Transfusion Service Malta