​Nisperaw li niffinalizzaw id-dokument sal-Ħamis – tobba

Is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) Dr Martin Balzan qal li jispera li sa nhar il-Ħamis ikun hemm qbil u dokument iffinalizzat b'rabta mal-bejgħ tal-isptarijiet f'Malta.
Id-diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-MAM dwar it-trasferiment tal-isptarijiet ta’ Għawdex, San Luqa, u Karin Grech għadhom għaddejjin. Skont Balzan il-laqgħa li jmiss se ssir għada.
Ma’ Newsbook.com.mt Balzan qal li kien hemm qbil “fuq is-sustanza” iżda żied jgħid li għad hemm aktar xogħol xi jsir rigward id-dettalji aktar fini tad-dokument. Madanakollu, huwa ma semmiex x’kienu dawn id-dettalji. Qal li l-kwistjoni prinċipali bħalissa hija dwar il-privatizzazzjoni.
Balzan qal li jittama li jkun hemm trasparenza dwar id-dokument finali , jiġifieri li l-Gvern jagħti l-permess tiegħu biex id-dokument jintwera lill-pubbliku.  
It-Tlieta 6 ta’ Frar it-tobba kienu għamlu strajk għal ġurnata. Balzan kien qal li l-ftehim dwar l-isptarijiet innifsu huwa l-problema u mhux il-kumpanija Steward Healthcare. Huwa qal li f’laqgħa li kellu mal-Gvern, il-Gvern ammetta li t-tobba għandhom raġun dwar il-prinċipju ta’ kif għandha taħdem is-sistema tal-kura f’Malta.