“Nispera li x-xenobija ma terġax tgħolli rasha minħabba l-inċident f’Ħal Far” – Claudette Buttigieg

Matul il-programm Newsbook fuq radju RTK saret diskussjoni fuq l-irvellijiet f’Ħal Far.
Claudette Buttigieg qalet li marru fiċ-ċentru biex jaraw mill-qrib kif jgħixu l-immigranti li jaslu Malta.
Sostniet li daħlu f’żona li kienet qed tiġi rijabilitata’ meta beda l-istorbju.
Qalet li ma kinitx preżenti meta l-protesti iggravaw iżda sellmet lill-Pulizija u s-Suldati li kuljum jiffaċċjaw din is-sitwazzjoni.
Ġara li d-delegazzjoni kienet marret meta numru ta’ immigranti kienu nfurmati li t-talba għall-ażil ma ġietx aċċettata.
Sostniet li meta l-immigranti raw persuni akkumpanjati ħasbu li jistgħu iwasslu l-messaġġ u kien għalhekk li saru l-protesti.
Claudette Buttigieg qalet li d-detenzjoni hija għas-sigurta’ għaliex daħlu fil-pajjiż irregolarment għalkemm m’humiex kriminali.
Qalet li d-diffikulta’ hi li filwaqt li m’humiex kriminali ma jistgħux jagħmlu li jridu.
Sostniet li kieku kienet flokhom, magħluqin fiċ-ċentri għal xhur sħaħ, probabbilment kienet tipprotesta hi wkoll.
Id-Deputat Nazzjonalista tispera li ma terġax tgħolli rasha x-xenofobija minħabba dan l-inċident għaliex fl-ebda mument ma ħasset li kien hemm xi theddida.
Matul il-programm kien hemm ukoll intervent mid-Direttur tal-Aditus, Neil Falzon fejn qal li l-għaqda talbet li ssir inkjesta biex ikun magħruf eżattament x’ġara.
Qal li din issir f’kull pajjiż demokratiku.
Saħaq li l-Aditus hija sodisfatta li l-Ministru ħabbar li din l-inkjesta se ssir għalkemm xtaq li l-membri tal-bord ikunu indipendenti.
Falzon qal li fil-passat saru ħafna inkjesti imma ftit li xejn rakkomandazzjonijiet biex ma jkunx hemm iżjed sitwazzjonijiet bħal dawn.