Fil-Knisja kollox mar il-baħar? – L-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li mhux l-ewwel darba li sema’ persuni jilmentaw li “llum fil-Knisja kollox mar il-baħar, għax kollox sar xejn mhu xejn”.
Fir-riflessjoni fiċ-Ċelebrazzjoni Djoċesana ta’ Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu, L-Isqof Grech qal jinsab konxju li hemm “nies tal-Knisja” li huma mħassba mhux biss għax ċertu tibdil mgħaġġel li għaddej minnu s-soċjetà huwa f’kuntrast qawwi mal-valuri tal-Vanġelu, imma wkoll għax il-Knisja u l-Isqof ma jitkellmux.
Fir-Rotunda parrokkjali ta’ San Ġwann Battista fix-Xewkija, Mons. Grech stqarr li huwa sentiment komuni f’dawk li huma ħerqana biex jgħaddu l-fidi lill-oħrajn li ħafna drabi jsibu ruħhom jitkellmu mat-torox, għax it-tagħlim Nisrani li jippruvaw jagħtuhom f’ħafna każi jaqa’ bħal ilma fuq dahar il-papri.
L-Isqof Grech qal li “bi preżenza daqshekk qawwija ta’ saċerdoti, persuni kkonsagrati, għaqdiet reliġjużi, u kollaboraturi lajċi wieħed ġustament jistenna li l-komunitajiet tagħna jkunu ftit imkennija u ma jittiħdux daqshekk malajr mill-mard spiritwali u morali ta’ żmienna; imma minkejja din il-forza numeruża, ‘is-swali tal-isptar’ mhumiex battala!”
Mons. Grech staqsa x’hemm li mhux qed jaħdem u jekk l-għodda li qed jintużaw humiex skaduti.  Spjega lil dawk preżenti li fl-Eżortazzjoni appostolika Il-ferħ tal-Vanġelu, il-Papa Franġisku saħaq li hemm bżonn li jinbidel il-mod kif is-soltu wieħed jitkellem dwar l-evanġelizzazzjoni.
L-arloġġ tal-Knisja f'Postu
“Ħafna drabi hawn min għadu bil-mentalità ta’ meta fir-raħal kollox kien jimxi mal-arloġġ tal-knisja parrokkjali. Iddoqq l-Ave Marija u tarahom jerfgħu mix-xogħol biex imorru għar-rużarju u l-Barka Sagramentali!” qal Mons. Grech.
Kompla jgħid li l-arloġġ tal-Knisja issa ilu li ma għadux ikejjel ir-ritmu tal-ħajja tal-Maltin u l- Għawdxin.
Fil-fehma tal-Isqof “it-tradizzjonijiet reliġjużi li għandna, il-fatt li ħafna jitolbu s-sagramenti għax għandhom seħer soċjali, kif ukoll id-drawwa li mmorru l-quddiesa tal-Ħadd, lilna ma jgħinuniex nirrealizzaw l-urġenza li nkunu ‘Knisja missjunarja’.”
L-Isqof ta’ Għawdex qal li għaldaqstant, wieħed irid japplika ħafna mill-enerġija tiegħu biex iperreċċ il-wirt reliġjuż li jkun rċieva. Qal li jekk wieħed jibqa’ wieqaf f’dan l-istadju, ikun qed jara sal-ponta ta’mnieħru.
Fl-omelija tiegħu, Mons. Mario Grech qal li jissuspetta li fost in-nies hemm min jaf il-morali, imma ma jaf la lil Alla u lanqas lil Ġesù Kristu – hemm min jidentifika l-morali ma’ Alla. “Ma nistagħġibx għalhekk li jkun hemm min jasal li jitlef l-interess tiegħu f’Alla għax qabel ikun tilef it-tifsira tal-liġi morali! Alla huwa akbar mill-morali. Il-morali, anki dik bit-timbru “Kattoliku”, li hija mingħajr Alla, qisha siġra sabiħa imma mingħajr għeruq. Tiġi buffura u taqlibha!”
L-Isqof Grech temm jgħid li se jitlob lill-Ispirtu s-Santu biex jagħti lill-poplu d-dawl biex jifhem aħjar kif jista’jxandar l-ferħ tal-Vanġelu lid-dinja ta’ dan iż-żmien. “Hekk biss xi darba n-nies għad jerġgħu jibdew ifittxu l-arloġġ tal-kampnar tal-knisja parrokkjali biex jgħinhom jużaw tajjeb iż-żmien biex jidħlu fl-eternità” qal l-Isqof.