Filmat: “Nisfida lil Simon Busuttil biex illejla niltaqgħu f’dibattitu” – PM; il-Kap tal-PN jaċċetta

Il-Prim Ministru Joseph Muscat sfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil biex illejla jiltaqgħu f'dibattitu fuq l-istazzjon nazzjonali. 
Mistoqsi waqt konferenza tal-aħbarijiet f'Kastilja, jekk wasalx iż-żmien li jressaq elezzjoni ġenerali, Dr Muscat qal li se jressaqha meta jkun il-waqt u fakkar li l-Ħadd li ġej se jkun qed jiltaqa' l-Partit Laburista.
Joseph Muscat qal li mhux xogħlu li jressaq il-provi għax mhux hu qed jagħmel l-allegazzjonijiet u qal li hu Simon Busuttil li jrid iwieġeb għall-allegazzjonijiet li għamel u joħroġ il-provi.
Dr Muscat qal li lbieraħ kienet ġurnata tal-allegazzjonijiet u llum hija l-ġurnata tal-provi. Żied jgħid li bħalissa qed jiftaħ il-libelli u li talab il-Qorti biex jinstemgħu b’urġenza.
Sostna li lbieraħ talab lill-Kummissarju biex jiftaħ inkjesta dwar dan.
Joseph Muscat qal li b’dawn l-allegazzjonijiet qed ibatu s-servizzi finanzjarji għax qed jintefgħu f’riskji kbar.
Filwaqt li appella għas-serenità, il-Prim Ministru rringrazzja lil kull min wera solidarjetà miegħu u ma’ familtu.  Qal li rċieva sapport ukoll minn membri parlamentari nazzjonalisti.
Simon Busuttil jaċċetta l-isfida tal-Prim Ministru
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr li m'għandux problema li jipposponi l-intervista li kellu skedata llejla fuq il-programm Xarabank, biex jaqsam ħinu f'dibattitu mal-Prim Ministru.  Fi stqarrija, il-PN sostna li l-Prim Ministru ilu jaħrab minn dibattitu miegħu fuq Xarabank għal tliet snin sħaħ. 
L-istqarrija tkompli tgħid li għax issa qiegħed dahru mal-ħajt u jinsab f'paniku minħabba l-allegazzjonijiet, il-Prim Ministru "jrid jagħmel dibattitu mal-Kap tal-Oppożizzjoni llejla fuq Xarabank".
Ritratt u Filmat: Ian Noel Pace