“Nisa vittmi ta’ gaslighting… x’jiġrilhom?”

Il-messaġġ ta' Kristina Chetcuti, Editriċi ta' Merlin Publishers u Artikolista mas-Sunday Times of Malta:
It-8 ta’ Marzu hu l-jum fejn politiċi mad-dinja erħilhom joħorġu kull tip ta’ statistika kkulurita dwar in-nisa.
Il-verità hi li l-istatistiċi, bosta drabi jkunu distakkati minn dak li qed jiġri fit-triq.
U għalhekk, il-politiċi għandhom jiddiskutu gender issues is-sena kollha. Imma dan ma jistax jiġri sakemm, aħna, in-nisa, ma nsemmgħux iktar leħinnha.
Se nsemmi suġġett wieħed għal Jum in-Nisa: Gaslighting. Dan huwa terminu li jintuża biex tiġi deskritta sitwazzjoni li fiha raġel jibda jimmanipula lil mara, b’tali mod li din tibda titħawwad u tiddubita lilha nnifisha u l-memorja tagħha.
Ħafna drabi l-abbuż isir gradwalment. Il-vittma tiġi iżolata, tinqata' minn ħbieb u minn mal-familja u ma jkollha lil ħadd ma’ min titkellem.
Huwa importanti ħafna li vittmi tal-Gaslighting jintebħu li ma għandhom xejn ħażin, li mhux qed jiġġennu u li jsibu l-kuraġġ sabiex joħorġu mir-relazzjoni tossika.
Iftħu qalbkom ma’ persuni li tafdaw, u fittxu għajnuna professjonali.
Ritratt: Ian Noel Pace