Aġġornata: “Nisperaw li ma tilfitx it-tarbija” – Alarm Phone

AFM

L-għaqda Alarm Phone qalet li tispera li mara tqila li kienet qed titlef id-demm fuq dgħajsa qrib Malta ma tilfitx it-tarbija tagħha.

Fuq Twitter, Alarm Phone qalet li ġabet konfermazzjoni li l-45 persuna li kienu abbord id-dgħajsa tal-injam ġew salvati u li se jiddaħlu Malta. Kompliet tgħid li ma ngħatatx spjegazzjoni konvinċenti għalfejn kien hemm dewmien fil-ħidma ta’ salvataġġ.

Abbord id-dgħajsa kien hemm għadd ta’ nisa u tfal.

L-għaqda Alarm Phone tirrapporta dwar dgħajjes ta’ immigranti u oħrajn li jkunu fil-periklu li jitilfu ħajjithom fuq il-baħar. Qalet li n-nies abbord ilhom jumejn fuq il-baħar, u li m’għandhomx ilma. Il-kundizzjoni medika tagħhom għadha mhux ikkonfermata minn naħa tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM).

Aktar kmieni, kelliema għall-AFM kienet ikkonfermat li jafu bid-dgħajsa, u li qiegħda fiż-żona tat-tfittxija u salvataġġ ta’ Malta. Spjegat li dak il-ħin, l-AFM kienet qed tiġbor iżjed informazzjoni u li marret tevalwa is-sitwazzjoni b’ħelikopter u b’vapur. Ma setgħetx tikkonferma jekk Malta hux se tkun responsabbli għas-salvataġġ ta’ dawn in-nies.

Alarm Phone saret taf bil-każ fid-8.59am, u ġiet infurmata li d-dgħajsa ġejja mill-Libja. Fid-9.10am informat lill-awtoritajiet Maltin ikkonċernati.