Filmat: “Nisa tqal qasmulhom żaqqhom, ħarġu t-trabi u qatluhom”

Il-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz ippreżenta l-Premju Sakharov lill-ġinekologu mill-Kongo Denis Mukwege, għall-ħidma tiegħu fost in-nisa u tfajliet li ġew stuprati mill-massa fil-gwerra kontinwa f’pajjiżu.
Fil-messaġġ imqanqal tiegħu quddiem il-membri Ewro Parlamentari, Mukwege qal li “l-ġisem tan-nisa fil-Kongo huwa post ta’ gwerra.” Żied jgħid li l-istupru huwa parti mill-istrateġija tal-gwerra fil-pajjiż bil-konsegwenza li t-tessut soċjali jitqatta’ u l-parti l-kbira tal-popolazzjoni tispiċċa eżiljata jew fi skjavitu.
Semma kif l-ġimgħa li għaddiet aktar minn 50 persuna ġew immassakrati, b’nisa tqal jaqsmulhom żaqqhom, joħorġu t-tarbija u joqtluha. Qal li fl-aħħar xahrejn u nofs, 200 persuna nqatlu b’dan il-mod selvaġġ. “Qalbi tingħafas meta nara tarbija ta’ sitt xhur bil-parti tagħha maqsuma wara li daħlulha oġġetti jew tefgħulha prodotti kimiċi,” żied jgħid Mukwege.  
Semma wkoll kif il-maġġoranza tal-poplu fil-Kongo jgħix f’faqar estrem minkejja li l-pajjiż huwa wieħed mill-aktar għonja.
Ir-rebbieħ tal-Premju Sakharov qal li “l-bluha umana għadha teżisti fid-dinja”. Saħaq li hemm bżonn li tinġibed l-attenzjoni lid-dinja dwar il-bżonn li jitħarsu n-nies. Żied jgħid li jeżistu soluzzjonijiet, iżda jeħtieġu rieda politika ta’ veru.
Sostna li l-Kongo huwa pajjiż marid, imma flimkien “mal-ħbieb tagħna madwar id-dinja kollha se jirnexxielna nfejquh."
Fi tmiem id-diskors tiegħu, diversi persuni mill-Kongo b'mod partikolari nisa li kienu fil-gallerija tas-sala tal-plenarja bdew iċapċu u jkantaw bħala sinjal ta' appoġġ u apprezzament għal Mukwege.
Fl-indirizz tiegħu, Martin Schulz qal li meta l-atti ta’ stupru jkunu ordnati mill-kmandanti jsiru reati tal-gwerra. Sostna li d-dispjaċir huwa li dawk li jagħmlu dawn l-atroċitajiet qed jibqgħu mingħajr kastig.