Nisa Rumeni jħabbtu l-bibien u jitolbu l-flus filwaqt li jittawlu ġewwa

Il-Pulizija qed jintensifikaw l-investigazzjonijiet dwar is-sinjali bil-lapes mal-intercom tal-bibien, li allegatament qed jagħmluhom irġiel x’aktarx Bulgari jew Rumeni bħala forma ta’ indikazzjoni lil grupp ta’ ħallelin għas-serq mir-residenzi privati.
Fl-istess waqt, Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-Pulizija qed jistħarrġu wkoll rapporti ta’ nisa mil-lvant tal-Ewropa li qed iħabbtu mal-bibien tan-nies biex jitolbu l-flus.
Dawn in-nisa, li x’aktarx ukoll huma Rumeni, qed iduru bosta lokalitajiet fosthom Tas-Sliema, is-Swieqi, Ħ’Attard u Birkirkara.
Residenti f’uħud minn dawn il-lokalitajiet li għamlu rapporti lill-Pulizija, u li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt, qalu li raw mara li qed iddur f’Ħ’Attard tħabbat il-bibien u titlob li tingħata l-flus filwaqt li toqgħod tħares ġewwa biex tara kif inhi d-dar.
Jirriżulta li f’każ ieħor mara barranija oħra kienet akkumpanjata mit-tfal.
Għalkemm mhux magħruf jekk in-nisa hux relatati mal-irġiel barranin li qed iwettqu s-serq, sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qalu li m’huma qed jeskludu xejn.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li f’dawn l-aħħar jiem żdiedu r-rapporti dwar tħażżiż mal-intercom fis-Swieqi.
Residenti f’din il-lokalità irrappurtaw lill-Pulizija fl-għases tas-Swieqi u San Ġiljan, li matul il-ġurnata raw irġiel bejn it-30 u l-40 sena jagħmlu sinjal bil-lapes mal-intercom.
Residenta fis-Swieqi kitbet fil-midja soċjali li kienet tinsab id-dar tagħha meta semgħet lil xi ħadd idoqq l-intercom tal-appartamenti fil-blokka tagħha.
Qalet li f’temp ta’ siegħa ġew immarkati żewġ appartamenti.
Il-Pulizija qed javżaw li jekk persuna tara xi persuni jew movimenti suspettużi jew marki mal-intercom għandha tagħmel rapport f’għassa tal-Pulizija jew iċċempel fuq in-numru tat-telefown 112.
Jekk ikun possibbli għandhom jittieħdu ritratti tas-sinjali u fl-ebda ċirkostanza m’għandu jsir kuntatt mal-persuna suspettuża.