Nisa “militanti moderni” jridu l-vot fis-Sinodu dwar l-Amazon

Sorijiet mill-Isvizzera li ħadu sehem fil-konferenza stampa ta nhar it-Tlieta fejn talbu d-dritt tal-vot fis-Sinodu dwar l-Amazon. (Credit: Elise Harris/Crux.)

Filwaqt li s-Sinodu tal-Isqfijiet dwar l-Amazon jitaħ fil-Vatikan għada l-Ħadd, nisa minn diversi ordnijiet u organiżazzjonijiet reliġjużi ngħaqdu flimkien biex jitolbu li jkollhom dritt għall-vot waqt dan is-Sinodu – privileġġ li sal-lum għandhom biss irġiel konsagrati.

“Aħna n-nisa militanti moderni li qed niġġieldu għall-vot”, qalet Deborah Rose Milavec, direttriċi  tal-organiżazzjoni “Future Church” biex tiddeskrivi x-xewqa ta’grupp ta’ sorijiet li jingħataw il-vot fis-Sinodu li se jsiru bejn is-6 u s-27 ta’ dan ix-xahar.

Milavec qalet lill-ġurnalisti li madwar 80 fil-mija tal-persuni konsagrati kollha fil-Knisja Kattolika, huma nisa.

Rappreżentanza ugwali

“Aħna rridu naraw lin-nisa rappreżentati ugwalment f’kull Sinodu u kull fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet. Filwaqt li diversi nisa nħatru f’pożizzjonijiet importanti fil-Vatikan, dan hu biss l-ewwel pass.  Iżda aħna nixtiequ naraw l-ugwaljanza għan-nisa f’kull qasam”.

Filwaqt li l-vot fis-Sinodu tipikament jingħataw lill-qassisin u l-ġerarkija tal-Knisja, fis-Sinodu taż-Żgħażagħ li sar f’Ottubru tas-sena li għaddiet, saret eċċezzjoni u żewġt irġiel reliġjużi iżda mhux saċerdoti li jipparteċipaw bid-dritt għall-vot, iżda ma saret ebda eċċezzjoni għal xi mara.

Milavec qalet li filwaqt li d-dokument Sinodali tas-sena li għaddiet insista dwar l-inklużjoni tal-mara bħala “dover ta’ ġustizzja”, li hu diskors ġdid ġej mill-isqfijiet, iżda dan mhux biżżejjed. In-nisa xorta għad ma għandhomx vot u allura għad fadal ħafna xi jsir.

Ebda mara bi dritt għall-vot

Għas-Sinodu ta’ dan ix-xahar dwar l-Amazon hemm 185 persuna bi dritt għall-vot iżda ebda waħda minnhom ma hi mara. Mit-80 persuna li se jattendu bla dritt għall-vot hemm 33 mara li 20 minnhom huma sorijiet.

Is-sena li għaddiet il-Konferenza tan-Nisa Ordnati, għamlet rally barra l-Vatikan fejn insistiet li n-nisa jingħataw id-dritt għall-vot u bdew petizzjoni li f’ġimgatejn ġabret aktar minn 10,000 firma.

Diversi nisa reliġjużi, minn komunitajiet differenti din is-sena ngħaqdu flimkien biex jagħmlu kampanja oħra biex jingħataw il-vot. Fil-konferenza stampa ta’ nhar it-Tlieta li għaliha attendew diversi sorijiet mill-Isvizzera, is-sorijiet irrikorrew ukoll għall-media soċjali biex iwasslu l-messaġġ tagħhom.

Kate McElwee, Direttur Eżekuttiv tal-Women’s Ordination Conference, qalet lill-ġurnalisti li fis-Sinodu tas-sena li għaddiet “in-nisa reliġjużi kienu mċaħħda mid-dritt tal-vot a bażi tal-ġeneru tagħhom”. Dan ifisser li għandhom bieb magħluq u dan iweġġa’ lin-nisa madwar id-dinja kollha. “Il-Knisja tagħna jixirqilha aħjar”.

Nisa esklużi

Zuzanna Flisowska, li tmexxi l-organiżazzjoni “Voices of Faith”, iddeskriviet din is-sitwazzjoni bħala waħda ‘simbolika’ u sostniet li l-unika raġuni li n-nisa ma jistgħux jivvutaw hi “għax huma nisa”. Dan ifisser li ‘n-nisa huma esklużi mid-diskussjoni dwar il-futur tal-Knisja”.

Sister Simone Campbell, qalet li filwaqt li normalment hi moħħha fil-politika fl-Amerika, issa ġiet Ruma biex tgħin ħalli jkun assigurat li “il-qalba tal-proċess sinodali tkun onorata mill-Knisja maħbuba tagħna”.

“Erġajt skoprejt li l-vuċi tan-nisa, il-protagonisti ewlenin fir-reġjun tal-Amazon, huma ftit u bla vot” filwaqt li nnotat li l-maġġoranza ta’ dawk li jservu lill-popolazzjonijiet iżolati fl-Amazon, huma sorijiet.

“Alla ħalaqna nisa biex inkunu sieħba, ngħinu  u nużaw moħħna u nesprimu t-tamiet tagħna. Din mhux kwestjoni politika jew ta’ poter, imma qed nitkellmu dwar il-Ġisem ta’ Kristu”, sostniet Sister Campbell.