Nisa Maltin jistudjaw aktar mill-irġiel iżda jibqgħu vulnerabbli għall-vjolenza

Hekk kif għada jiġi mfakkar Jum in-Nisa, l-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika ppublika informazzjoni li turi li 50.3% tal-poplu Malti huwa femminili.

69% tan-nisa li jaħdmu għandhom bejn il-25 u l-34 sena. Mara taħdem medja ta’ 32 siegħa fil-ġimgħa, jiġifieri 7 siegħat inqas mill-medja fost l-irġiel. 7% tan-nisa huma bla xogħol. Dan ifisser li hemm 1% aktar nisa bla xogħol milli rġiel.

Fis-sena skolastika 2010-2011, 12,728 mara inkitbu għal studji fuq livell post-sekondarju. 52% tal-istudenti kollha bejn il-15 u l-24 sena kienu nisa, filwaqt li 54% tal-istudenti li ggradwaw fuq livell post-sekondarju kienu nisa.

Is-sena li għaddiet, 80% tan-nisa użaw il-kompjuter kuljum, u 79% użaw l-internet kuljum. 49% użaw l-internet għall-komunikazzjoni u aċċess għall-informazzjoni.

69% tal-każijijet ta’ vjolenza domestika rrapportati lill-Pulizija kienu fuq nisa bejn it-18 u l-59 sena. L-iktar każi komuni kienu ta’ ġrieħi ħfief ikkawżati minn vjolenza fiżika.

Fl-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt, se jkun hemm 26 kandidata mara. Dan ifisser li 15.5% tal-kandidati huma nisa; żieda ta’ 5% fuq l-2008. L-ikbar ammont ta’ kandidati nisa huma fit-12-il distrett elettorali, jiġifieri l-Mellieħa, Manikata, Naxxar, Baħar Iċ-Ċagħaq, San Pawl u Burmarrad. M’hemm ebda kandidata mara għas-seba’ distrett, dak ta’ Ħaż-Żebbuġ, Ħad-Dingli, l-Imdina, l-Imġarr, l-Imtarfa u r-Rabat.