Nisa Laburisti b’mozzjoni biex jonqos iż-żmien ta’ stennija fil-liġi tad-divorzju

Read in English.

Nisa Laburisti ressqu mozzjoni għal diversi bidliet li jixtiequ jaraw fis-soċjetà Maltija, ewlenija fosthom bidla fil-liġi tad-divorzju sabiex jonqos iż-żmien ta’ erba’ snin stennija sakemm ikunu jistgħu jibdew il-proċeduri tad-divorzju.

Din il-mozzjoni tressqet ilbieraħ waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali bit-tema ‘Ideat Progressivi Djalogu Apert.’ Waqt din il-laqgħa, li attenda għaliha l-Prim Ministru Robert Abela, il-messaġġ ewlieni tan-Nisa Laburisti kien li din il-fergħa se tibqa’ minn ta’ quddiem biex twassal il-proposti tagħha lill-Partit Laburista u anke lill-Gvern Laburista.

Fl-indirizz tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq kif il-Gvern mhux lakemm jitkellem dwar l-ugwaljanza, iżda jaħdem b’determinazzjoni favuriha. Huwa semma l-mekkaniżmu Parlamentari mmirat biex iżid ir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament, li għandu jiġi implimentat fil-ġimgħat li ġejjin.

Waqt id-diskors tagħha, il-President tan-Nisa Laburisti Nikita Zammit Alamango sostniet li dejjem se jkun hemm min jibża’ mill-bidla, iżda fakkret li l-Gvern Laburista huwa wieħed progressiv. Qalet li fl-aħħar snin, dak li sar tejjeb il-ħajja tal-mara u tal-familji Maltin.

Fil-mozzjoni tagħom, Nisa Laburisti pproponew li:

  • Tiġi riveduta l-liġi tal-2011 dwar id-divorzju, billi pereżempju tiġi studjata r-relevanza ta’ perjodu ta’ 4 snin ta’ stennija sakemm koppja tkun tista’ tapplika biex jinbdew il-proċeduri ta’ divorzju quddiem il-Qrati Maltin.
  • Il-Gvern jistudja f’aktar dettall ix-xogħol mid-dar.
  • Tiġi riveduta l-liġi dwar l-użu personali tal-kannabis, proposta bi sħab u qbil mal-Forum Żgħażagħ Laburisti għax Nisa Laburisti jemmnu li l-użu u pussess personali tal-kannabis mhuwiex reat kriminali.
  • Il-Gvern jara li l-art maħsuba għal spazji miftuħa għall-pubbliku tissarraf f’ħolqien ta’ ġonna u spazji oħra rikreattivi.
  • Il-Gvern jistudja f’aktar dettall il-kwistjoni tal-prostituzzjoni ħalli l-ħarsien ta’ min hu vulnerabbli jingħata prijorità; proposta reviżjoni fil-liġijiet biex min hu vittma tal-prostituzzjoni ma jispiċċax il-ħabs.
  • Tiġi studjata l-liġi tal-IVF; il-possibbiltà li tiġi legalizzata s-surrogazija f’Malta.
  • Li jiġu introdotti skemi ta’ għajnuna finanzjarja għax-xiri ta’ kontraċettivi u prodotti iġjeniċi relattivi, biex iż-żgħażagħ ikollhom iktar aċċess għat-tali prodotti.

Kull min huwa interessat li jressaq xi suġġerimenti jista’ jagħmel kuntatt mal-fergħa permezz tal-paġna ta’ Facebook Nisa Laburisti.