Filmat: Jibdew jarmaw il-kampijiet quddiem Kastilja

Grupp ta’ nisa se jkunu qed jokkupaw Pjazza Kastilja mil-lejla sal-Ħadd, u dan b’ġest simboliku lejn l-awtoritajiet sabiex jieħdu l-passi neċessarji biex il-fiduċja fl-istituzzjonijiet terġa’ tinkiseb.
F'konferenza tal-aħbarijiet il-grupp spjega kif ma jridux jħallu lil Malta f'dan l-istat għat-tfal tagħhom. Qalu li hemm bżonn ċertu bidliet li għandhom bżonn sens qawwi ta' tmexxija, integrità, u deċiżjonijiet effettivi. Il-grupp talab għas-sigurtà, il-protezzjoni, l-onestà, it-trasparenza, u l-integrità. Spjegaw li trid terġa tinbena l-fiduċja fl-istituzzjonijiet u fid-demokrazija. Fi kliemhom, l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija jibżgħu jaġixxu fejn hemm bżonn. 

 

Il-grupp, magħmul minn nisa li enfasizzaw mhumiex partiġġjani, nisa li ġejjin minn kull qasam tal-ħajja, beda jikkampja fi Pjazza Kastilja mis-6.30pm tal-lejla u se jibqgħu hemm sal-11pm tal-Ħadd.
Newsbook.com.mt tkellem ma' Celemence Dujardin, waħda mill-organizzaturi li saħqet li l-għan prinċipali tal-grupp huwa li jagħmlu pressjoni fuq l-Avukat Ġenerali u fuq il-Kummissarju tal-Pulizija biex dawn jirriżenjaw. Spjegat li matul dawn il-jiem, numru ta' nies se jibqgħu ġewwa Pjazza Kastilja filwaqt li jiddiskutu flimkien dwar is-sitwazzjoni. Matul il-lejl, dan il-grupp qed jippjana li jorqod ġewwa din il-pjazza wkoll.

F’Mejju tas-sena l-oħra, att simili kien sar minn attivisti ta’ Kamp Emerġenza Ambjent, li kienu kkampjaw quddiem Kastilja sabiex jipprotestaw kontra żvilupp eċċessiv.
“Wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kulħadd qed iħoss il-ħtieġa sfiqa tal-bidla. Hemm bżonn li persuni ta’ awtorità bħall-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali jinbidlu b’oħrajn li ma jkunux diviżivi, u jgawdu r-rispett ta’ kulħadd”, kompla dan il-grupp.
#Occupy Justice, l-isem tal-attività, qed issir bil-għan li jintbagħat dan il-messaġġ biex it-tliet pilastri tal-pajjiż jissaħħu: l-Eżekuttiv, il-Ġudikatura u l-Leġiżlatura.
“Irridu l-onestà, it-traparenza, il-protezzjoni u s-sigurtà. Irridu futur għal uliedna, u rriduh issa”, temmew jgħidu n-nisa.
Finalment, il-grupp stieden lil kulħadd biex jattendi xi ħin milli jkun jista’ f’dawn it-tlitt ijiem.
L-attività tħaddnet u qed tiġi ssapportjata wkoll mill-Fondazzjoni Integra, l-ADITUS, The Critical Institute, in-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili, SOS Malta u Gender Equality Malta.  
Ritratti: Ryan Bonello