Nisa joħduha kontra d-dizzjunarji ta’ Oxford

30,000 mara ffirmaw petizzjoni kontra d-dizzjunarji ta’ Oxford dwar kif jiddeskrivu mara. Dawn in-nisa qed jesiġu li kliem ta’ insult lejn in-nisa jitneħħew mid-dizzjunarju li hu l-ogħla awtorità fejn tidħol il-lingwa Ingliża.

L-attivisti huma mgħaddba li xi kliem offensiv dwar in-nisa għadhom jinsabu fid-dizzjunarji li joħorġu mill-Oxford University Press. Fost dawn il-kliem hemm “wench”, “mare” u “bitch”.

Iżda dawk li jikkmandaw fl-Oxford University Press sostnew li dawn il-kliem huma wżati ħafna u Katherine Connor Martin, imdaħħla fl-OUP, qalet li kelma ma titneħħiex mid-dizzjunarju għax tkun offensiva.

“Id-dizzjunarji tagħna,” qalet il-mara, “jirriflettu l-lingwa aktar milli jiddettaw x’għandu jintuża u ma jintużax.”

Maria Beatrice Giovanardi, li nediet il-petizzjoni, staqsiet li meta xi ħadd ifittex id-definizzjoni tal-kelma mara fuq l-internet isib kliem bħal ‘bitch, besom, piece, bit, mare, baggage, wench, petticoat, frail, bird, bint, biddy u filly”, li skont id-dizzjunarju tal-Oxford University Press jiddefenixxu l-kelma “mara”.

“Dan id-dizzjunarju sessista jrid jinbidel,” argumentat Maria Beatrice Giovanardi. “Fid-dizzjunarju ssib eżempji dwar il-mara bħal ‘Għidtlek biex tkun id-dar meta nasal jien id-dar, mara żgħira.’ Dawn it-tip ta’ eżempji jpinġu lin-nisa bħala oġġetti għas-sess, ikollhom joqogħdu għar-rieda tal-irġiel u jkunu ta’ irritazzjoni għall-irġiel. Din il-biċċa xogħol trid tieqaf.”