Nisa jipprotestaw kontra liġi kontroversjali fl-Indja

Reuters

Grupp ta’ studenti nisa lebsin il-burqas bdew jipprotestaw kontra l-Gvern barra l-università tagħhom fi New Delhi.

Il-protesti fl-Indja kontra liġi ta’ ċittadinanza ġdida li għandha l-Musulmani fil-mira tagħha, skont bosta ħassieba, kulma jmur qegħdin jiżdiedu. Bosta nisa, minn nisa tad-dar sa studenti lebsin il-hijabs u oħrajn bil-burqas, imlew it-toroq juru r-rabja tagħhom. Huma qegħdin jagħmlu l-graffiti mal-ħitan u jiġbru l-flus għall-posters u ikel għal dawk li qed jipprotestaw.

Tal-inqas 200 student indarbu meta l-pulizija użaw il-gass tad-dmugħ biex iferrqu l-folla li nġabret għal protesta f’università pubblika fi tmiem il-ġimgħa.

Il-protesti bdew fil-11 ta’ Diċembru wara li għaddiet liġi kontroversjali mill-Parlament, li skont il-Prim Ministru Indjan Narendra Modi tħaffef il-proċess biex il-minoritajiet mill-pajjiżi fil-madwar jiksbu ċ-ċittadinanza Indjana. Madankollu, dawk kontra din il-liġi qed jgħidu li din teskludi l-immigranti Musulmani.