​Nisa fis-Sirja sfruttati sesswalment minn dawk li suppost qed jgħinuhom

Nisa fis-Sirja qed jiġu sfruttati sesswalment minn irġiel li jkunu qed iwasslulhom oġġetti ta’ għajnuna mibgħuta mill-Ġnus Magħquda (UN) u mill-karitajiet internazzjonali.
Skont il-BBC dawn il-ħaddiema qed jitolbu lin-nisa għal favuri sesswali qabel ma jagħtuhom l-ikel.
Rapport ġdid żvela kif minkejja li kien hemm twissijiet dwar dawn l-abbużi tliet snin ilu, l-abbuż qed ikompli fin-nofsinhar tal-pajjiż.
L-aġenziji tal-UN u l-karitajiet qalu mal-BBC li għandhom tolleranza żero għall-isfruttament tal-persuni u li ma kienux jafu b’każijiet ta’ abbuż minn organizzazzjonijiet fir-reġjun li jaħdmu magħhom.
Xi ħaddiema ta’ dawn l-aġenziji qalu mal-BBC li l-abbuż tant hu mifrux li ċertu nisa Sirjani qed jirrifjutaw illi jmorru lejn iċ-ċentri tad-distribuzzjoni tal-għajnuna biex in-nies ma jaħsbux li jkunu offrew ġisimhom għall-prodotti li jkunu ġabu lura d-dar.