Nisa fiċ-ċentri l-miftuħa jibżgħu mill-gwardjani rġiel – studju

Read in English.

Studju li sar ma’ ħames gruppi ta’ nisa differenti li jgħixu f’residenzi u ċentri differenti lokali, sab li n-nisa fiċ-ċentri l-miftuħa ma jħossuhomx siguri fil-preżenza ta’ ċertu gwardjani tas-sigurtà li huma rġiel u minħabba f’hekk saħansitra jibżgħu jmorru sal-kamra tal-banju bil-lejl.

L-istudju In This Together li sar b’kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Jesuit Refugee Service Malta, ra l-esperjenzi ta’ 114-il mara li qed jgħixu f’istituzzjonijiet jew ċentri miftuħa wara li spiċċaw kellhom jitilqu minn darhom minħabba vjolenza domestika, u oħrajn minħabba li kienu qed jgħixu f’żoni tal-gwerra jew persekuzzjoni. Il-gruppi ta’ nisa kienu ġejjin minn tliet xelters ta’ vjolenza domestika u żewġ ċentri miftuħa.

Bosta min-nisa semmew kif ma jħossuhomx issapportjati mill-membri tal-istaff u għalhekk jibżgħu ikellmuhom dwar il-bżonnijiet tagħhom għax jibżgħu li jispiċċaw ibagħtu minn riperkussjonijiet negattivi.

“Wirdien u insetti fil-kmamar”

In-nisa tkellmu wkoll dwar l-iġene u s-sigurtà taċ-ċentri l-miftuħa. Qalu l fil-kmamar ikollhom ħafna wirdien u insetti u oħrajn. Semmew ukoll li hemm kmamar li lanqas biss għandhom twieqi. Meta jagħmlu xi ħaġa li ma tgħoġobx lill-istaff, ġieli jiġu kkastigati billi jintbagħtu fi kmamar iżgħar.

In-nisa komplew jgħidu li fiċ-ċentri l-miftuħa la għandhom arja kkundizzjonata u lanqas fannijiet u b’hekk fis-sajf fil-kmamar ikun hemm sħana tant kbira li ma jissaportuhiex. Qalu wkoll li lanqas għandhom magna tal-ħasil biex jaħslu l-ħwejjeġ tagħhom u għaldaqstant ikollhom iħallsu biex jagħmlu dan. L-inkwiet tagħhom huwa dawk il-persuni li għandhom problemi finanzjarji kbar għax ma jirnexxilhomx jaqdu l-bżonnijiet bażiċi tagħhom bħal biex jixtru l-ikel u l-mediċina.

Komplew jgħidu li l-privatezza f’dawn iċ-ċentri hija xi ħaġa rari għax il-kċejjen u l-kmamar tal-banju huma komunali, jiġifieri jintużaw minn gruppi kbar ta’ persuni fl-istess ħin. Spjegaw ukoll li dawn rari jiġu mnaddfa.

“L-istaff tax-xelters mhux imħarrġa biex jaħdmu ma’ vittmi ta’ vjolenza domestika”

L-istudju ħareġ kif għadd ta’ nisa li jinsabu f’xelters li joffru kenn għal persuni li għaddew minn vjolenza domestika qalu li l-istaff ta’ dawn ix-xelters mhux imħarreġ biżżejjed biex jipprovdi sapport emozzjonali. In-nisa spjegaw li dan prinċiparjament minħabba li ma jifhmux u mhux imħarrġa dwar il-problemi li jgħaddu minnhom dawn il-persuni. Qalu wkoll li l-ħaddiema soċjali ħafna drabi ma jkunux preżenti sabiex jipprovdu informazzjoni dwar id-dipartimenti differenti tal-Gvern f’Malta.

X’kienu l-konklużjonijiet tal-istudju?

L-istudju kkonkluda li minkejja l-istejjer differenti tan-nisa, l-inkwiet tagħhom kien simili. Filwaqt li ħafna semmew problemi strutturali bħal dewmien eżaġerat fil-proċeduri tal-Qorti u prezzijiet għolja tal-kera, is-saħħa emozzjonali ta’ individwu ġiet emfasizzata. In-nisa indikaw li għandhom ix-xewqa li jaslu f’punt fejn ikunu indipendenti, għan li jintlaħaq biss jekk il-ħtiġijiet emozzjonali tagħhom jintlaħqu, il-feriti tal-passat jiġu kkurati u jirċievu s-sapport neċessarju flimkien mal-ħiliet neċessarji li jwassluhom sabiex jibdew il-pass li jmiss f’ħajjithom.