“Nirringrazzjaw lil Alla li għalaqna 39 sena miżżewġin” – Anthony u Miriam

Awguri lill-attur Anthony Borg u martu Miriam nèe Runza li llum qed jiċċelebraw 39 sena miżżewġa.

“Nirringrazzjaw lil Alla li għalaqna 39 sena miżżewġin. Grazzi Mulej u kompli żomm idejk fuqna bħal ma dejjem għamilt s’issa,” ikkummentat il-koppja li żżewġet proprju bħal-lum il-25 ta’ Awwissu tal-1981.

Il-koppja kienu bdew joħorġu flimkien wara li ltaqgħu fi grupp ta’ ħbieb f’San Pawl il-Baħar. Miriam kienet l-aħħar waħda li ngħaqdet ma’ dan il-grupp u hi u Anthony kienu ftehmu li joħorġu.

Anthony jgħidilna li kien se jerġa’ jdurlu miilli jmur jiltaqa’ magħha u kienet oħtu li ħeġġitu biex joħroġ.

Anthony u Miriam ingwalawha u żżewġu bħal-lum 39 sena ilu fil-Knisja tal-Kappuċċini fil-Furjana. Għandhom tifel wieħed, Ettore, li llum hu miżżewweġ lil Brenda u li għamel lil Anthony u lil Miriam nanniet ta’ Shaia.

Kemm Anthony kif ukoll Miriam iħobbu l-palk u t-televiżjoni. Miriam ħadet sehem f’produzzjonijiet televiżivi bħal Id-Djarju l-Iswed u Deja Vù u flmkienm ma’ Anthony kienet ukoll extra fi produzzjonijiet bħal Cutthroat Island, Murder on the Orient Express u Agatha and the Curse of Ishtar.

Antony f’xena mill-aħħar puntata tas-sensiela Ħbieb u Għedewwa

Anthony huwa aktar attiv u wkoll ħa sehem f’Id-Djarju l-Iswed u Deja Vù, kif ukoll f’Ta’ Taħt Fuq u Manwela li qed terġa tixxandar bħalissa fuq Melita More, Cable Channel 315.

Għadna kif rajnieh ukoll fis-sensiela Ħbieb u Għedewwa li bħalissa qed terġa’ tixxandar fuq Melita More. Huwa għandu wkoll parti impenjattiva fis-sensiela F’Ġieħ L-Imħabba, li se tkun qed tkompli bit-tieni staġun miinn Settembru li ġej fuq TVM.

Nawguraw l-isbaħ xewqat lil Anthony u Miriam f’dan il-jum speċjali tagħhom.