“Nirringrazzja lil Alla talli tani s-saħħa ta’ kuljum” – Justine

Awguri lill-kantanta żagħżugħa Justine Shorfid li llum qed tiċċelebra għeluq is-17-il sena tagħha. Hija twieldet bħal-lum, il-25 ta’ Ġunju tal-2003.

“Bħal-lum 17-il sena ilu jien twelidt u ħafna affarijiet ġraw minn dakinhar. Din is-sena seħħet ħolma li kelli meta kelli l-opportunità li napplika għal X Factor u ninsab kuntenta li għamilt dan għax kien l-iktar vjaġġ mill-isbaħ li qatt kelli,” kitbet hi dalgħodu waqt li żiedet li kellha l-privileġġ li tiltaqa’ ma’ ħafna mis-segwaċi tagħha permezz ta’ żjarat li għamlet fl-iskejjel u minn okkażjonijiet oħra.

“Nispera li niltaqa’ ma’ dawk li għadni ma ltqajtx għaliex intom għejtuni nemmen iktar fija nnifsi u li kieku ma kienx għall-appoġġ kostanti tagħkom, ma nafx kif kont nagħmel dan kollu” żiedet tgħid.

It-tfajla rringrazzjat ukoll lill-familja tagħha tal-appoġġ u talli tħobbha bid-difetti kollha tagħha.

“Grazzi talli tajtuni l-ħajja u talli wrejtuni x’inhi l-imħabba. Intom id-dinja kollha tiegħi u napprezza s-sagrifiċċji kollha li għamiltu biex tgħinuni nasal fejn qiegħda llum.”

“Nixtieq nirringrazzja lil Alla talli tani s-saħħa ta’ kuljum u anke fi żminijiet diffiċli biex nerġa’ nagħmel nqum lura fuq saqajja,” kompliet tikteb hi waqt li żiedet li “Jiena grata għan-nies li għandi f’ħajti u għal dawk li għad irrid niltaqa’ magħhom.”

Awguri Justine.