Aġġornata: Nirien Magħtab: “Riżultat ta’ tmexxija ħażina” – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li nirien kienu r-riżultat dirett ta’ dak li huwa ddeskriva bħala “tmexxija ħażina” f’dak kollu li għandu x’jaqsam mar-riċċiklaġġ f’Malta. Huwa kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fit-Triq il-Kosta quddiem il-Magħtab, wara li iktar kmieni dalgħodu qabad parti mill-landfill fil-Magħtab.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li jridu jiġu mwieġba sensilla ta’ mistoqsijiet filwaqt li qal “jekk hemm responsabbilitajiet x’jinġarru, dawn għandhom jinġarru.” 

Meta mistoqsi minn Newsbook.com.mt jekk l-Oppożizzjoni hux se tkun qed titlob għar-riżenja tal-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera u l-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv, il-Kap tal-Oppożizzjoni wieġeb li huwa ma jħobbx jgħaġġel u l-ewwel iridu jiġu stabbiliti l-fatti, f’każ li jinstab li għandha tintrefa x’responsabbilità, fi kliemu din għandha ssir. Delia saħaq li għad irid isir magħruf x’wassal għal dan l-inċident. 

F’kummenti oħra li ta lil das-sit, Delia qal kwota lill-Prim Ministru Joseph Muscat meta kien qal li Malta se tkun qed tikber b’70,000 persuna, semma wkoll li l-iskart tal-konstruzzjoni wkoll qed jiżdied. Huwa saħaq li hemm bżonn li nies tekniċi jaħdmu fuq pjan komprensiv. Huwa sostna li l-Gvern qed jimxi “b’mod panikuż” filwaqt li saħaq li t-teknoloġija teżisti.

“L-inkompetenza għandha prezz” – Azzopardi 

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni fuq l-Ambjent Jason Azzopardi sostna li dan kien it-tieni diżastru ambjentali f’inqas minn sentejn. Fakkar kif il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera s-sena l-oħra qal li kien hemm skart li kien se jiċċaqlaq lejn il-Magħtab fejn kien se jitnaqqas ir-riskju tan-nirien. Azzoprdi nnota kif ġara l-kontra. Azzopardi saħaq li n-nirien kien frott tal-inkompetenza, hekk kif in-nies kompetenti telqu u daħlu nies inkompetenti. Huwa saħaq li l-inkompentenza għandha prezz. Azzopardi sostna li n-nies “għandhom dritt għall-verità” hekk kif dalgħodu l-Ministru għall-Ambjent qal li l-inkjesta dwar in-nirien fl-impjant ta’ Marsascala tlestiet. Iżda dan sar biss magħruf dalgħodu. 

Delia bbaża konferenza fuq spekulazzjonijiet – PL

Il-Partit Laburista qal li Adrian Delia bbaża l-konferenza tal-aħbarijiet fuq spekulazzjonijiet.

F’risposta għall-konferenza tal-PN, il-PL qal li Delia, mar jitkellem dwar in-nirien fil-Magħtab mingħajr ma segwa d-dettalji li taw l-uffiċjali tal-Wasteserv. Skont il-PL, dan għax kien kostrett iċedi għall-klikka tal-eks Kap tal-PN Simon Busuttil “li meta n-nar kien għadu fl-aqwa tiegħu ġew jaqgħu jqumu mis-sigurtà tan-nies u ħarġu jagħmlu argumenti politiċi partiġjani.”

In-nirien ġew ikkontrollati fi ftit sigħat – Ministeru għall-Ambjent

F’reazzjoni għal dak li qal Delia, il-Ministeru għall-Ambjent qal li materjal klassfikat bħala hazardous ma jintefgħax fiż-żona fejn sar l-inċident għaliex dan jiġi esportat b’mod immedjat. Spjega li fl-inċident tal-lum in-nirien ġew ikkontrollati fi ftit sigħat.

Il-Ministeru qal li Delia żbajlja billi għażel li jindirizza lill-midja qabel ma kien jaf il-fatti kollha. Spjega li il-Partit Nazzjonalsita sostna li għandu pjan fit-tul mingħajr ma kien kapaċi jlissen proposta waħda minnu. Fi stqarrija, il-Ministeru qal li Adrian Delia jagħmel ħażin “li jkompli jisma’ minn ċerti nies ta’ madwaru” li jitkellmu biss f’kuntest ta’ politika partiġġjana u populista.

Il-Ministeru tkellem ukoll dwar in-nirien li ħakmu l-impjant tal-WasteServ ġewwa Wied il-Għajn f’Mejju tal-2017. Qal li għalkemm l-investigazzjoni interna tal-WasteServ ġiet konkluża, il-Ministeru għadu qed jistenna l-konklużjonijiet tal-inkjesta maġisterjali li sal-lum għadha mhix konkluża.