Nirien Magħtab: Il-pubbliku se jiġi mgħarraf dwar l-arja fl-inħawi

CPD

Il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera ħabbar li fil-ħin li ġej, l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) se tavża lill-pubbliku dwar il-kwalità tal-arja fl-inħawi tal-Magħtab, hekk kif l-Awtorità bdiet proċedura moniteraġġ tal-emissjonijiet tad-dħaħen ikkawżati min-nirien li ħakmu l-impjant dalgħodu.

Dwar dan l-ERA qalet li se tqabbad esperti internazzjonali biex janalizzaw kampjuni ta’ ħamrija affettwati min-nirien. L-uffiċjali tal-ERA min-naħa l-oħra se jispezzjonaw iż-żona meta ma jkunx hemm periklu.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li l-Bord tal-ERA se jkun qed jiddiskuti l-każ tal-lum fil-laqgħa li jmiss.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Magħtab stess, il-Ministru Herrera assigura li l-impjant se jibqa’ jirċievi l-iskart. Irrimarka li l-każ m’għandux rabtiet kriminali, iżda li xorta talab lill-Avukat Ġenerali biex issir inkjesta interna.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Tonio Montebello qal li n-nirien ħakmu l-parti fejn kien hemm skart li ma jiġix irriċiklat. Spjega li b’kollox f’din iż-żona jinżamm madwar 30,000 tunnellata ta’ Refuse Derived Fuel. Stqarr li l-materjal li nħaraq kien jikkonsisti fi plastik u karti maħmuġin, lesti biex jiġu esportati barra minn Malta. Dan l-iskart, li l-ammont tiegħu għadu mhux magħruf, kien jinħażen fl-Impjant ta’ Sant’Antnin f’Wied il-Għajn.

Madanakollu, il-Wasteserv kellha terġa’ tapplika għall-permess internazzjonali biex tesporta l-iskart, liema proċess skont Montebello, ħa tmien xhur. Fisser li kien ix-xahar li għadda li rċevew il-permess. Irrimarka li l-iskart kien jinżamm fil-Magħtab u dejjem kien hemm ir-riskju li jista’ jaqbad waħdu.