Nirien f’appartamenti fil-Ħamrun; Il-Gvern b’akkomodazzjoni temporanja għall-familji

Aġġornat 09:20 PM
appartamenti Ħamrun nirien
Roderick Galdes / Facebook

Blokka ta’ appartamenti fil-Ħamrun ħadet in-nar dalgħodu. Minkejja li n-nar ġie kkontrollat, ir-residenti ma jistgħux joqogħdu fl-appartamenti għalissa sakemm isiru x-xogħlijiet meħtieġa. Il-Gvern offra akkomodazzjoni temporanja lir-residenti, billi l-appartamenti li ħadu n-nar kienu ta’ akkomodazzjoni soċjali.

Kelliem għall-Pulizija informa lil Newsbook.com.mt li huma ġew infurmati f’12pm li kien hemm nirien fi blokka appartamenti fi Triq Melintone Scerri. Fuq il-post marru uffiċjali tal-pulizija u membri tal-Protezzjoni Ċivili li rnexxielhom jikkontrollaw in-nar, wara li r-residenti tal-binja u tal-binjiet ta’ ħdejha ġew evakwati. Il-kelliem qal li minn dawn l-appartamenti l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili ħarġu tlitt iklieb u qattus.

Fuq il-paġna ta’ Facebook resident fl-istess blokka ta’ appartamenti talab l-għajnuna biex tinstab dar temporanja għas-sitt iqtates tiegħu minħabba li huma ġew evakwati minn darhom. Newsbook.com.mt jinsab infurmat li nstab post temporanju għal dawn il-qtates sakemm isiru t-tiswijiet meħtieġa

Ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident.

Stqarrija tal-Awtorità tad-Djar tgħid li uffiċjali tal-Awtorità tad-Djar marru immedjatament fuq il-post u ħadmu flimkien mal-awtoritajiet konċernati biex jassiguraw li tingħata l-assistenza neċessarja lil kull familja milquta.

L-Awtorità tad-Djar offriet akkomodazzjoni temporanja lill-familji, li skont il-pariri tal-esperti ma jistgħux jgħixu fl-appartament tagħhom sakemm isiru x-xogħlijiet neċessarji li se jkunu jsiru mill-Awtorità peress li l-blokka konċernata hija proprjetà tal-Gvern mikrija lil dawn il-familji.

L-Awtorità qalet li se tibqa’ f’kuntatt ma’ kull familja u se tkompli ssegwi l-każ sabiex tassigura li toffrilhom kull assistenza li jkunu jeħtieġu.

L-Awtorità kienet ukoll f’kuntatt kontinwu mal-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes li qed isegwi l-aħħar żviluppi dwar il-każ, u mar il-Ħamrun jitkellem mar-residenti ta’ din il-blokka appartamenti.

Bħalissa ninsab fil-housing estate tal-Ħamrun sabiex nassistu lill- familji milquta min-nirien li ħakmu l-blokka wara li…

Posted by Roderick Galdes on Tuesday, December 15, 2020