Nirien jaħkmu l-Mużew Nazzjonali ta’ Rio de Janeiro

Nirien Mużew Nazzjonali Rio de Janeiro
REUTERS/Ricardo Moraes

Nirien kbar ħakkmu l-Mużew Nazzjonali ta’ Rio de Janeiro fil-Brażil.

Skont sorsi arkeoloġiċi u storiċi, in-nirien li bdew ilbieraħ aktarx qerdu r-riċerka u l-ġabra ta’ aktar minn 20 miljun oġġett fil-mużew li għandu aktar minn 200 sena.

Il-President Brażiljan Michel Temerin qal li l-qerda tal-bini, li xi darba kien palazz għall-imperaturi li kien waqa’ fi stat ta’ abbandun kien “telf inkalkulabbli għall-Brażil”. Il-kawża u l-estent tal-ħsara kienu għadhom mhux magħrufa sal-bieraħ.

Xandara tat-televiżjoni xandru ritratti live matul il-lejl waqt li l-bini kien qed jaqbad bla kontroll.

L-uffiċjal Luiz Duarte qal li riċentament iffinalizzaw ftehim għal investiment kbir biex il-bini jiġi restawrat u ironikament, jippjanaw sistema ġdida ta’ prevenzjoni tan-nar. Il-bank għall-iżvilupp, BNDES ikkonferma f’Ġunju li kien se jiffinanzja r-restawr tal-palazz u jinvesti f’iktar sigurtà għall-kollezzjonijiet li jinsabu fil-binja.