Nirien jaħkmu 7 għelieqi

Arkivji

Minn tal-inqas seba’ għelieqi ħadu n-nar matul il-ġurnata tal-lum f’lokalitajiet differenti madwar Malta u Għawdex.

Kelliem għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qal ma’ Newsbook.com.mt li matul il-ġurnata tal-lum, ħadmu sabiex jitfu nirien li ħakmu numru ta’ għelieqi.

Il-lokalitajiet f’Malta affettwati kienu Ħ’Attard, l-Imtaħleb, il-Kalkara, Birżebbugia, Ħaż-Żebbuġ u Bormla. Kien hemm xi każijiet oħra f’Għawdex, madanakollu ma kienx hemm konferma ta’ liema rħula ġew affetwati.

Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt, jidher li l-għalqa li ħadet in-nar f’Ħ’Attard hija l-istess waħda li tintuża biex jinħaraq in-nar tal-festa.

Għall-ħabta tat-3.15pm, Newsbook.com.mt ġie infurmat li nirien ħakmu parti minn razzett fil-limiti tal-Bardan fil-Munxar. Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili marru fuq il-post sabiex jikkontrollaw in-nirien.