Awdjo: Eluf ta’ ewro jispiċċaw irmied f’Ħal Farruġ

Skart li ntrema' f'Ħal Farruġ wassal biex tliet imħażen tal-karnival spiċċaw fix-xejn wara li nħakmu min-nirien.

L-inċident seħħ għal ħabta tal-11.30 a.m. meta xi skart li ntefa' qrib l-imħażen ingħata n-nar. Dan wassal biex in-nar infirex bir-riħ bil-konsegwenza li ħakem l-imħażen.

F'kumment li ta lil Newsbook, Jason Busuttil li huwa Direttur tal-Karnival, qal li l-imħażen kien fihom materjal li jaqbad fosthom żjut idroliċi, aċitileni, karti u injam. Dawn l-imħażen kienu jintużaw minn tliet parteċipanti tal-karnival, li kawża ta' dan l-inċident tilfu eluf kbar ta' ewro f'materjal. 

Wieħed minn dawn il-parteċipanti li mar fuq il-post wara li sema' bl-inċident, kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei minħabba li kien qed isofri minn xokk. 

Jason Busuttil qal ma' Newsbook li għalkemm diġà ingħata bidu għall-proġett dwar il-karnival, id-dilettanti tal-karnival se jkomplu bil-karba tagħhom biex ikollhom postijiet adekwati mill-aktar fis possibbli. 

Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għadhom fuq il-post jippruvaw jitfu n-nirien.

Ritratt: Jeandre Grixti