Nirien f’moskea f’Kalifornja; graffiti li jsemmi l-attakk ta’ New Zealand

Nirien f’moskea f’Kalifornja qed jiġu investigati biex jiġi skopert jekk il-moskea ngħatatx in-nar intenzjonalment peress li nstab ukoll xi graffiti li semma l-massakru fiż-żewġ moskej fi New Zealand.

Skont il-midja lokali, id-dipartiment tat-tifi tan-nar u l-pulizija ssejħu fiċ-Ċentru Iżlamiku ta’ Escondido, qrib San Diego fit-3.15am tal-ħin Amerikan il-Ħadd dwar nirien.

Dawk li kienu fiċ-ċentru rnexxielhom jitfu n-nar qabel ma saret xi ħsara, u ħadd ma weġġa’.

Iżda l-pulizija sabu graffiti ġdid fil-post, b’referenza għall-attakk li sar fi New Zealand fil-15 ta’ Marzu fuq 2 moskej, li ħalla 50 persuna mejta u ħafna oħrajn midruba. Il-pulizija ma ħabbritx x’kien il-kliem eżatt tal-graffiti.

It-talb ta’ filgħodu fil-moskea ġie kkanċellat peress li l-pulizija qed jinvestigaw iż-żona.