Aġġornata (2): Tlieta jiddaħħlu l-isptar wara n-nirien f’Zammit Clapp

18.31 : Ir-residenti ta’ Zammit Clapp ġew evalwati minn tim mediku minħabba d-dħaħen. 35 resident ġew trasferiti għall-postijiet alternattivi b’mod temporanju, filwaqt li tlieta ddaħħlu l-Isptar Mater Dei minħabba d-dħaħen li belgħu.

Il-qraba kellhom l-opportunità li jiltaqgħu mal-pazjenti. Saret ukoll ħidma biex jiġu evalwati l-ħsarat.

Bħalissa għaddej xogħol ta’ tindif tal-post.

15:20: Stqarrija mibgħuta mis-Segretarjat għall-Anzjani u Kura fil-Komunità, tgħid li minbarra l-anzjani, ġew evakwati ukoll il-ħaddiema. Is-Segreatrjat qal li qed jinstab post alternattiv għar-residenti.

Il-Ministru Joe Cassar u s-Segretarju Parlamentari Mario Galea taw l-għajnuna tagħhom waqt l-evakwazzjoni.

Barra l-isptar hemm ukoll numru mhux ħażin ta’ familjari tal-pazjenti.

Aktar kmieni:

Nirien fit-tielet sular tal-Isptar Zammit Clapp wasslu biex għexieren ta’ persuni anzjani ġew evakwati mill-isptar minħabba miżuri ta’ sigurtà u saħħa.
Jidher li n-nar beda għall-ħabta tas-sagħtej ta’ waranofsinhar fil-kamra tal-ħasil u fortunatament ħadd ma weġġa’.

Fuq il-post hemm membri tal-Protezzjoni Ċivili, tal-Pulizija u ta-tifi tan-nar kif ukoll ambulanzi. Jirriżulta li n-nar ma nfirixx minħabba li ttieħdu l-miżuri meħtieġa mill-Protezzjoni Ċivili u minħabba miżuri ta’ sigurtà installati fl-isptar.

Iktar dettalji fil-ħin li ġej.