Nirien fil-Marsa: 5 mill-akkużati minuri; 4 għall-ħabs

Aġġornat 05:45 PM
Miguela Xuereb

Read in English.

20 immigrant tressaq il-qorti quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella wara li nhar l-Erbgħa, tqabbad nar fiċ-Ċentru ta’ Akkoljenza fil-Marsa. Erba’ mill-akkużati ngħataw sentenza ta’ bejn seba’ u disa’ xhur ħabs, filwaqt li s-16 l-oħra qed jinżammu arrestati sakemm il-każ jiġi assenjat lil Qorti oħra. Ħamsa mill-20 huma minuri.

Il-Prosekuzzjoni spjegat kif ftit qabel is-1pm, il-Pulizija saret taf b’nar fiċ-Ċentru tal-Marsa peress li kien hemm duħħan iswed ħiereġ minn wieħed mid-dormitorji, li jirreferu għalih bħala l-gym. Meta l-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili rnexxielhom jitfu n-nirien, l-investigaturi tkellmu mal-uffiċjali tas-sigurtà li kien hemm xogħol meta ġara l-inċident.

L-uffiċjali spjegaw li fiċ-Ċentru kien hemm protesti tul l-għodwa kollha. L-immigranti kienu qed jinsistu li jkellmu lir-rappreżentanti ta’ AWAS, l-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Dawk li Jfittxu l-Ażil, u jgħidu li jridu l-libertà li jitilqu miċ-Ċentru. Għadd minnhom inkurlaw li ma ġarax kif riedu huma, u bdew iwaddbu l-affarijiet u jmexxu l-bankijiet.

Erbgħa minnhom li allegatament qabbdu n-nar ġew identifikati minn immigranti oħrajn li rawhom mixjin lejn id-dormitorju qabel u jsemmu n-nar.

Fost l-20 immigrant arrestat, kien hemm ħames minuri ta’ 15, 16 u 17-il sena. Ħadd mill-akkużati m’għandu iżjed minn 30 sena. Huma ġejjin mill-Guinea, mill-Mali, min-Niġerja, mis-Sudan, mill-Gambja, mill-Bangladexx u mis-Senegal.

Xi ddeċidiet il-Qorti?

16 minnhom ġew akkużati li wettqu ħsara volontarjament fuq propjetà ta’ terza persuni, li pparteċipaw fil-protesta, li rrifjutaw li jobdu l-ordnijiet tal-pulizija, u li kisru l-paċi pubblika huma u jgħajtu għall-ħelsien.

12 minn dawn is-16 wieġbu mhux ħatja, u wieħed minnhom infaqa’ jibki fl-awla għax qal li kien hemm sempliċiment biex jagħmilha ta’ traduttur. Dawn qed jinżammu arrestati biex il-każ tagħhom jiġi assenjat lil qorti oħra.

Tlieta oħra wieġbu ħatja u ngħataw sentenza ta’ disa’ xhur ħabs. L-ieħor fosthom, peress li hu minuri, ingħata seba’ xhur ħabs.

Erbgħa oħra ġew akkużati wkoll li qabbdu n-nar, u fost dawn kien hemm żewġ minuri ta’ 15-il sena u ta’ 17-il sena. Dawn kollha wieġbu mhux ħatja, iżda ma talbux għall-ħelsien mill-arrest. Qed jinżammu arrestati.

11-il ħaddiem taċ-Ċentru u tliet residenti kellhom jingħataw assistenza medika minħabba d-duħħan li belgħu, imma ma kellhomx bżonn kura mill-isptar.

Nhar it-Tlieta, għadd ta’ immigranti bdew “rewwixta” f’Safi Barracks f’Ħal Kirkop. 22 minnhom tressqu l-qorti fejn wieġbu mhux ħatja, u qed jinżammu arrestati.