Nirien f’dar is-Siġġiewi; mara l-isptar

Christoph Schwaiger

Mara ttieħdet l-Isptar Mater Dei, filwaqt li għadd ta’ Pulizija rċevew assistenza medika wara li ġiet salvata min-nirien li ħakmu lil darha fis-Siġġiewi.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma l-inċident ma’ Newsbook.com.mt u spjega li seħħ fi Triq il-Muża fil-5.30pm. Ġie spjegat li fuq il-post marru Surġent u żewġ Pulizija tar-RIU.

Huma ppruvaw jidħlu mill-bibien ta’ quddiem jew ta’ wara tad-dar, madanakollu ma rnexxielhomx. Aktar tard telgħu fuq il-bejt mingħand il-ġirien u rnexxielhom jidħlu fid-dar billi kisrru l-ħġieġa tal-washroom. Meta daħlu fir-residenza sabu ħafna duħħan, u wara li tbaxxew sabiex jaraw x’kien hemm madwar sabu mara ta’ 56 sena, residenti fl-istess dar.

Waqt li kienu qed joħorġuha, indunaw li kien hemm nirien fil-kċina li tfewhom bil-fire extinguisher tal-Pulizija. Fuq il-post marret ambulanza li għenet lill-mara u lill-Pulizija minħabba d-dħaħen li kienu belgħu. Issejħu wkoll il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili.

Il-kelliem għall-Pulizija spjega li filwaqt li l-mara deher li ma kelliex ġrieħi, hi ttieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.