Nirien Awstralja: Mhux se jsir nar fl-aħħar tas-sena f’Canberra

Hekk kif in-nirien qed ikomplu jikbru fl-Awstralja, il-Belt Kapitali Canberra ddeċidiet li tħassar in-nar li kellhom preparat bħala parti miċ-ċelebrazzjonjiet tal-aħħar tas-sena. S’issa n-nar imħejji għal dawn iċ-ċelebrazzjonjiet f’Sydney għadu se jsir madankollu qed issir pressjoni biex dan jitħassar ukoll.

It-temperaturi fil-Kapitali huma mistennija li jlaħħqu it-38°C filwaqt li f’Syndney it-temperatura mistennija tleħħaq it-33°C.

Shane Fitzsimmons, il-kummissarju tas-servizzi tat-tifi tan-nar qal li, “l-arja sħuna u niexfa ġejja miċ-ċentru tal-Awstralja u huwa previst li l-kundizzjonijiet ikomplu jeħżienu fi New South Wales.”

Fl-aħħar xhur, disa’ persuni mietu u nqerrdu aktar minn 1,000 dar kawża tan-nirien. B’kollox s’issa kien hemm 97 nar li 43 minnhom għadhom mhux ikkontrollati.

Aktar kmieni l-Awstralja ħarġet twissija biex in-nies jevawkaw miż-żona ta’ East Gippsland fl-Istat ta’ Victoria hekk kif medded kbar ta’ art qed ikomplu jinqerdu minn nirien kbar. Madankollu ħafna min-nies injoraw din it-twissija.