Nirien Arriva: il-kimika mad-dijżil tista’ tkun il-kawża

Hemm possibilità li kimika li tiżdied mal-dijżil fil-vetturi tal-Arriva qiegħda twassal għan-nirien li seħħew fil-jiem li għaddew.

Sorsi nfurmati qalu lil Newsbook.com.mt li meta l-bendy buses inġiebu Malta, dawn ġew 'upgraded' għas-sistema Euro 5 – l-għola livell tas-sistema tal-exhaust approvata s’issa mill-Ewropa.

Wara li jsirilhom dan it-tibdil, il-vetturi ikunu jinħtieġu manutenzjoni kontinwa.

Is-sistema tal-‘exhaust’ tħallat dijżil u kimika apposta, imsejħa AdBlue, sabiex id-duħħan li joħroġ fl-arja jagħmel inqas ħsara lill-ambjent. Din il-kimika tinżel fis-silencer, tgħaddi minn filter u toħroġ 'il barra bħala parti mill-exhaust.

Jekk ikun hemm daqqa fis-silencer, u ħadd ma jinduna biha, jista’ jkun li din il-kimika tibqa’ fil-filter, tmur lura fil-magna u twassal biex jitqabbad in-nar.

Fil-fatt il-maġġoranza tal-każi ta' nirien fuq il-bendy buses jidhru li seħħew fuq wara tagħhom, fejn hemm il-magna u s-sistema tal-exhaust.

Mhux eskluż iżda li dawn in-nirien huma kkawżati minn difetti oħra fil-vetturi. Fl-2004, 130 bendy bus tneħħiet mis-servizz tat-trasport pubbliku f’Londra wara li tlieta minnhom ħadu n-nar. Dan iż-żmien kien konkluż li nstab difett f’pajp tal-magni. 

Surveyor independenti mistenni jitqabbad biex jinvestiga x’wassal għan-nirien li ħakmu tliet bendy buses fi spazju ta’ tliet ijiem.