Nippubblikaw il-lista ta’ kull min ħa ċ-ċittadinanza

Newsbook.com.mt qed jippubblika l-lista sħiħa ta’ dawk kollha li tul l-2016 saru ċittadini Maltin, wara li l-Gazzetta tal-Gvern illum ippubblikat ‘il fuq minn 2,000 isem ta’ persuni li ġew mogħtija l-passaport Malti.
Iżda l-Gazzetta tal-Gvern ma ppublikatx lista għaliha bil-miljunarji li xtraw l-istess passaporti s-sena l-oħra taħt l-iskema msejħa ċittadinanza b’investiment. L-ismijiet ta’ dawn ġew moħbija qalb dawk kollha li ħadu l-passaport Malti permezz tan-naturalizzazzjoni.
Minkejja li l-gvern għamel il-lista alfabetika skont l-isem biex ikun differenti li tinduna min kienu l-familji li xtraw iċ-ċittadinanza, il-lista li qed jippubblika Newsbook.com.mt hija b’mod alfabetiku skont il-kunjom. B’dan il-mod ikun hemm indikazzjoni għall-familji li probabbli xtraw iċ-ċittadinanza.
Meta tħares lejn il-lista tara kif il-maġġoranza tal-ismijiet huma mil-Lvant Nofsani, jew pajjiżi Ażjatiċi.
Newsbook.com.mt qed jagħmel riċerka fuq l-ismijiet u għada jagħti iktar tagħrif dwar dan is-suġġett.
Il-Gvern ma ta l-ebda spjega għala l-lista tal-2016, li suppost kellha tiġi ppubblikata fis-sajf, ġiet ippublikata issa.
Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku sejjaħ għall-ippublikar tal-ismijiet ta’ dawk kollha li xtraw il-passaport Malti bħala parti mill-Individual Investor Programme (IIP).
F’Ottubru li għadda Rosy Bindi, Il-Kap tal-Kummissjoni Taljana Anti-Mafja, ikkritikat lill-awtoritajiet Maltin, meta qalet li dawn baqgħu ma ppubblikawx lista ta’ ismijiet ta’ persuni barranin li xtraw il-passaport Malti.