Nipprotestaw mal-KE għax qed timponi regoli fuqna – FKNK

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) se tikteb bi protesta lill-Kummissjoni Ewropea dwar regolamenti li allegatament ġew “imposti” mill-KE fl-emendi legali dwar l-insib li saru fl-20 t’Ottubru.

Fi stqarrija, l-FKNK qalet li tilqa’ b’sodisfazzjon id-Dikjarazzjoni dwar id-Deroga għall-Istaġun tal-Insib tal-Ħarifa tal-2018 għall-Malvizz u l-Pluviera u tapprezza ħidmet il-Gvern dwar dan, iżda ma tapprovax minn numru ta’ emendi li skontha, huma “nieqsa minn kull prinċipju ta’ ġustizzja.”

Il-FKNK elenkat it-3 punti ewlenin li ma taqbilx magħhom:

  • Il-ħoloq tax-xbiek ta’ mhux inqas minn 45mm x 45mm

Waqt id-diskussjonijiet ta’ qabel ma daħlu r-regolamenti, il-FKNK qalet li kienet ipproponiet li l-malja tax-xbiek tkun ta’ 32 millimetru kwadrat. Il-Federazzjoni qalet li l-qies ta’ 45 millimetru li ġie “impost” fuqhom mhuwiex addattat għall-qbid tal-malvizz għaliex dan jista’ joħroġ minnu faċilment, kif ilmentaw bosta nassaba li mhux jirnexxilhom jaqbdu l-imlievez.

  • Koperazzjoni tal-Pulizija mal-NGOs 

Il-FKNK ma taqbilx mal-introduzzjoni tar-regolament li jgħid li rappreżentanti mill-għaqdiet mhux governattivi jistgħu jmorru fl-ispezzjonijiet fuq il-post flimkien mal-Pulizija. Skont l-FKNK, dan jagħti aktar awtorità lill-għaqdiet BirdLife u CABS, li jridu jabolixxu l-kaċċa.

  • Approvazzjoni tal-pubblikazzjoni tal-postijiet tal-insib

Il-Federazzjoni wriet id-diżappunt tagħha li b’dan ir-regolament, tista’ tiġi ppubblikata informazzjoni dwar fejn jinsabu l-imnasab. Hija insistiet li din hi propjetà privata, u għaldaqstant, il-privatezza tan-nassaba għandha tiġi mħarsa.

  • “Pre-recorded bird callers” waqt ħinijiet mhux permessi l-insib 

Il-FKNK qalet li qatt ma tista’ taqbel mar-regolament il-ġdid li jgħid li jekk jinstab bird caller f’għalqa fiż-żmien meta ma jkunx permess l-insib, is-sit jitneħħa minn fuq ir-reġistru mill-ewwel, u dawk li jkollhom is-sit irreġistrat f’isimhom ma jkunux jistgħu jonsbu minkejja li ma jkollhomx x’jaqsmu mal-każ.

Għaldaqstant, il-FKNK sostniet li hi se tibqa’ tiġġieled l-illegalitajiet.